Edwin Vassallo Jiddikjara Li L-PN Mhux Partit Liberali

 Edwin Vassallo Jiddikjara Li L-PN Mhux Partit Liberali

Ftit jiem biss qabel ma jkun magħżul il-Kap tal-PN, fuq facebook, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ddikjara li l-PN mhux partit liberali iżda huwa partit Demokristjan. Vassallo saħaq li meta l-PN addotta politika liberali, kellu l-akbar telfa.

Vassallo kiteb illi fil-ħajja trid tkun dak li int u żżomm mal-valuri tiegħek. Bil-kitba tiegħu d-deputat Nazzjonalista implika li l-politika liberali ġġib diżordni. Skont Edwin Vassallo, meta titwarrab l-ordni, tidħol id-diżordni fil-ħajja, fil-familja, fil-komunità, fil-PN u fis-soċjetà.

Bosta kienu dawk li rreaġixxew, fosthom il-President tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alan Abela Wadge. Abela Wadge qal li jiddispjaċih jara kummenti bħal dawn mingħand Deputat li suppost għandu biżżejjed esperjenza biex jgħallem lil kulħadd.

Saħaq li hija gidba li l-PN kien sar liberali fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. “Tant hu hekk li meta ġejna biex nivvotaw fuq id-drittijiet ċivili, minħabba xi ftit deputati (fostom inti Edwin) il-partit kellu jastjeni u b’hekk aljenajna lill-komunita LGBT+ kollha u tlifniehom għal ħafna snin”, kiteb Abela Wadge.

L-eks Kunsillier tal-PN fil-Gżira Wayne Hewitt filwaqt li qabel ma’ Abela Wadge, b’riferenza għall-vot ta’ Edwin Vassallo f’Lulju 2017 dwar il-liġi biex koppji tal-istess sess jingħaqdu fiż-żwieġ ċivili, kiteb, “Biex ma ninsewx ukoll li Edwin ivvota kontra l-PN u llum jiskonġra fuq ħaddiehor”.

David Griscti l-eks President tal-Fondazzjoni AŻAD tal-Partit Nazzjonalista qal lil Vassallo li l-PN qatt ma kien liberali. Fi kliem Griscti, l-PN sar aktar modern u realistiku wara l-2013, wara li fis-snin ta’ qabel kien sar “redikolu, reazzjonarju u kompletament maqtugħ mir-realtajiet tas-soċjeta u l-ħajja Maltija”.

Ċertu Jeantoin Magri wieġeb lil Griscti u qallu li l-PN tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2013 għaliex il-membri parlamentari kibritilhom rashom, bdew jaraw lin-nies dubbien ħasbu li saru allat, u t-telfa kompliet tikber fl-2017 għax dawk il-membri kienu għadhom hemm. “Dawn għadhom hemm sal-lum u ara f’liema stat ġabu lill-PN. Filli kien l-aktar partit glorjuż u ta’ storja u filli żebilħuħ u ġabuh qisek qed tara kummiedja”, kiteb Magri.

Griscti wieġbu li dik hija interpretazzjoni sempliċi wisq. “Il-verità hija li tal-2017 setgħet kienet ħafna u ħafna agħar minn hekk għax kellna pajjiż li ekonomikament u finanzjarjament kien qed ifur. Miraklu li ma rebħux b’ħafna aktar”, kiteb l-eks President tal-Fondazzjoni tal-PN; l-AŻAD.

Ritratt: Facebook/ Edwin Vassallo

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com