Jekk Tissepara Jew Tiddivorzja Għadek Issib Min Jumbrak?

 Jekk Tissepara Jew Tiddivorzja Għadek Issib Min Jumbrak?

Li tkun iddivorzjat jew isseparat huwa dnub? Qed insaqsu hekk għaliex għadek tisma’ tfesfis fuq dak jew l-oħra ‘għax għamlu hekk jew għamlu hekk’… meta dan huwa mument li jista’ jolqot lil kulħadd; li jisfaxxa ż-żwieġ.

Fil-verità, jekk ma tiżżewwiġx bilfors, għal raġunijiet li ġieli smajna bihom ukoll, ma naħsbu li ħadd ma jkun jixtieq li żwieġu jisfaxxa. Inkella ma tiżżewweġ xejn mhux hekk? Ma naħsibx li hawn min jiżżewweġ għall-festin biss jew għar-ritratti fuq il-midja soċjali! Ma tistax tgħid għax issib minn kollox…

Staqsejna lil Dr. Deborah Schembri li kienet strumentali biex spjegat u mexxiet kampanja favur id-divorzju f’pajjiżna. Staqsejnieha li jekk tissepara jew tiddivorzja għadekx issib min jumbrak?!

“Sinċerament naħseb li min jumbrak għal xi raġuni jew oħra, m’ għandux problema bl-issue, imma bik… so any excuse is a good excuse!”, stqarret magħna Deborah Schembri.

Spiss nisimgħu wkoll membri parlamentari li jisfaxxalhom żwieġhom ukoll. wara kollox dawn umani wkoll imma bħal donnu hawn faxxa ta’ nies fis-soċjetà li qishom jistagħġbu b’dan. Id-diskors fuq fomm dawn in-nies ikun; “se jbati dak ta m’għadux mal-mara jew se tmur ħażin issa dik, la m’għadhiex mar-raġel!” Kemm hi reali din? In-nies jirrispettawk sakemm timxi kollox eżatt ma’ dak li drajna li hu tajjeb bħala soċjetà?

“Le sakemm dak li jkun, li qed jagħmel, ma jkunx għamilha issue politika hu stess, eżempju mara fil-politika tadvoka kontra l-abort u tagħmlu hi. Ma naħsibx li sinċerament li xi ħadd jumbrak għax separat jew iddivorzjat jew għax tibdel l-istat tiegħek waqt li tkun fil-politika. In-nies ikunu drawk u jkunu jafu xi ssarraf. Miżżewġa jew le ma tagħmilx differenza.Illum il-ġurnata hawn sezzjoni kbira ta’ miżżewġin li sfaxxalhom iż-żwieġ u sezzjoni oħra ta’ miżżewġin u mdejqin, allura ma naħsibx li għadha xi taboo “, saħqet magħna Deborah Schembri.

Staqsejnieha wkoll jekk temminx li hemm iżjed x’ nirbħu bħala soċjetà fir-rigward tat-tijieb fil-liġi tad-divorzju? X’Taħseb dwar il-proposta li l-impożizzjoni tal-4 snin separazzjoni qabel wieħed japplika għad-divorzju titneħħa?

“Aħjar inħallu f’ idejn in-nies xi jridu jagħmlu b’ħajjithom. L-impożizzjonijiet m’humiex l-aktar ħaġa konsonanti mad-drittijiet ċivili”, kompliet tispjega.

Min-naħa l-oħra, is-Segretarju Parlementari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar qaltilna li xi ftit għidut dejjem ikun hemm imma m’għandux jaffettwa. “Ħa jkun hemm element ta’ gossip dejjem eżempju: Taf min m’għadux mal-mara? Imma naħseb li l-elettorat minkejja li kulħadd jieħu pjaċir jara the perfect family picture, jirrikonoxxi li llum, il-kunċett ta’ familja nbidel. Blended family saret aċċettata.”

Minkejja dan, skont statistika tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea: il-Eurostat, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ divorzju fost l-istati membri li tgħid li r-rata tad-divorzji f’Malta kienet ta’ 0.7 fuq kull elf ruħ. Din kienet statistika li saret għall-2018 li sal-lum setgħet inbidlet. Ma’ Malta fuq l-istess rata insibu l-Irlanda. Imbagħad insibu l-Litwanja u l-Latvja li huma l-aktar żewġ pajjiżi li kellhom rata ta’ divorzju għoli; 3.1 fuq kull elf ruħ.

Insemmu wkoll il-liġi tal-koabitazzjoni fejn permezz tagħha tnaqqas il-pregudizzju fil-konfront ta’ koppji li jagħżlu li ma jiżżewwġux imma jgħixu flimkien. Bħalissa hawn madwar 4,000 koppja li jikkoabitaw.

U inti x’taħseb?  Temmen f’persuna u tirrispettah/a għax hu jew hi min hi jew għax għandu stil li huwa konformi ma’ li temmen fih int?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com