Kemm aħna indipendenti?

 Kemm aħna indipendenti?

Ilkoll smajna bir-rakkonti dwar il-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna. Grazzi għall-perseveranza, il-kuraġġ u l-viżjoni tal-istatista Dott. Ġorġ Borg Olivier li 56 sena ilu, Prim Ministru ta’ Malta, li pajjiżna sar stat indipendenti. Ma kinitx faċli biex titwettaq din il-viżjoni. Kien hemm bosta li qed jaqblu mal-viżjoni ta’ Borg Olivier. Kien hemm uħud li qalbu mal-Indipendenza imma hux eżatt kif kien qed iwiegħed Borg Olivier, imbagħad kien hemm oħrajn li kienu kompletament kontra li Malta ssir stat indipendenti. L-Indipendenza ġabet magħha responsabbiltajiet kbar. Mument fejn rajna kien f’idejna u l-kontroll għall-futur tagħna kien se jkun iddeterminat minnha u mhux min dak li jiddettawlna. Din il-kisba storika kienet il-bidu ta’ kisbiet kbar oħrajn, bħar-Repubblika u s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Nissuġġerilek li taqra l-istorja fid-dettall għaliex din hi era affaxxinanti għal pajjiżna.

Iżda llum il-ġurnata, 21 ta’ Settembru 2020, xi tfisser il-kisba tal-Indipendenza għalina? Kemm aħna indipendenti? Kemm għadha relevanti?

Il-faqar li għadu magħna u qed jiżdied. Il-klijenteliżmu u n-nuqqas ta’ meritokrazija fejn tieħu promozzjoni fuq ix-xogħol mhux għax taf imma lil min taf. L-isfidi kbar li qed jaffaċċjaw l-anzjani tagħna li bilkemm ilaħħqu mal-ħajja u koppji żgħar u żgħażagħ li jsibuha diffiċli biex jixtru post waqt li jrabbu ‘l uliedhom. Entrepreneurs ġodda li jħossu li ma jistgħux jimirħu f’dinja fejn min hu l-aqwa jħawwel u ħafna drabi m’hemmx level playing field. Il-kilba għal flus, akkost ta’ kollox, li għal uħud saru l-uniku sors ta’ kuntentizza. Imbagħad xi ngħidu għall-każijiet ta’ korruzzjoni rampanti li mhux biss tappnu isem pajjiżna mal-erbat irjieħ tad-dinja, imma saħansitra wasslu għall-qtil ta’ Maltija bħali u bħalek.

Kemm aħna verament indipendenti u kemm aħna lesti li ninfatmu mill-kunċett ta’ tribaliżmu u jkollna l-kuraġġ li dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb, iżda dak li hu ħażin mhux biss nammettuh imma naħdmu qatigħ biex neliminawh u nirranġawh darba għal dejjem. Kemm aħna lesti li bħalma missirijietna ħadmu għal Malta Indipendenti aħna nkunu lesti li niddenfendu l-valuri tas-sewwa, l-onestà u l-verità ħalli lkoll ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar?

L-Indipendenza tkun ħajja u mhux biss episodju imbiegħed, billi ngħixuha lkoll, kull ġurnata. Kif se nsawru l-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnek.

Jerome Caruana Cilia

Jerome Caruana Cilia

Jerome hu Minority Leader u kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f'Ħal Qormi. Ippreżenta aktar minn 1,300 programm ta' analiżi politika fuq Radio 101 u NET FM. Jaħdem fuq livell maniġerjali fil-qasam finanzjarju u gradwa f'żewġ masters: M.A. fil-Politika u l-Unjoni Ewropea kif ukoll M.B.A. fejn kiseb distinction. Membru fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PN, kif ukoll membru tal-Forum Professjonisti tal-PN u membru tal-Malta Institute of Management.