Radju Indipendenza – Il-Partit Laburista, Mintoff U L-Frekwenzi Tar-Radju

 Radju Indipendenza – Il-Partit Laburista, Mintoff U L-Frekwenzi Tar-Radju

Dawk li twieldu fit-tmeninijiet jew wara, ftit jimmaġinaw lil Malta qabel il-pluraliżmu fix-xandir. Forsi ġieli semgħu li l-Partit Nazzjonalista fil-kampanja elettorali tal-1981 kien beda jxandar lejn Malta, minn Ragusa permezz ta’ Studio Master Radio u wara anke bi Studiorama television. Imma din ma kinitx l-ewwel darba li partit politiku għażel li jxandar minn pajjiż ieħor biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-Maltin.

Fit-triq twila u mwiegħra għall-indipendenza ta’ pajjiżna, wieħed mill-avvenimenti prinċipali kien ir-referendum kostituzzjonali tal-1964.  Dan ir-referendum talab lill-elettorat biex japprova kostituzzjoni ġdida biex tidħol fis-seħħ meta tittieħed l-indipendenza. Il-Perit Dom Mintoff u l-Partit Laburista kienu qegħdin jisħqu li din il-kostituzzjoni kienet tikser id-drittjiet fundamentali tal-bniedem u riedu li jiddaħħlu ċerti emendi. Il-famużi 6 punti.

Għall-kampanja referendarja, l-Awtorità tax-Xandir kienet fasslet programm ta’ diskussjonijiet mill-partiti politiċi fuq il-mezzi tax-xandir. Dak iż-żmien l-Awtorità kienet talbet li tingħata kopja miktuba ta’ dak li se jkun qiegħed jintqal biex l-avukati tagħha jkunu jistgħu jevalwaw jekk hemmx partijiet li jitqiesu li joffendu s-sentimenti reliġjużi u jitolbu biex dawn jinbidlu. M’għandniex xi ngħidu, dan kien totalment inaċċettabbli għall-Perit u b’hekk il-Partit Laburista kien iddeċieda li jipparteċipax f’din l-iskeda ta’ xandiriet politiċi.

Imma kif se twassal il-messaġġ tiegħek lil dawk li ma jattendux il-‘meetings’ politiċi jew ma jaqrawx il-ġurnali tal-Partit? Kif se tilħaq lin-nies fi djarhom? Bis-saħħa tal-kuntatti sodi li kien hemm mal-gvern soċjalista Eġizzjan ta’ Nasser, il-Partit Laburista kien beda jxandar fuq ix-shortwave, programm ta’ nofsiegħa kuljum fuq Radio Cairo. Dawn il-programmi kien jippreżentahom Lorry Sant u matulhom kien jispjega r-raġuni għalfejn il-Partit Laburista ma kienx jaqbel mal-kostituzzjoni proposta u x’kienet il-viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna.

Dak iż-żmien, is-sistema tar-Rediffusion kont issibha prattikament f’kull dar waqt li ftit biss kienu dawk li kellhom aċċess għall-apparat li jaqbad stazzjonijiet shortwave. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-effett ta’ dawn ix-xandiriet fuq l-elettorat ma setax kien bosta. Min-naħa l-oħra dan kien sinjal b’saħħtu, lejn il-forzi kolonjali u l-partiti l-oħra, li l-Partit Laburista kien għadu dik il-forza progressiva b’missjoni li jimmodernizza lil Malta u xhieda li l-kwistjoni politiko-reliġjuża ma kienet naqqset xejn minn din id-determinazzjoni anzi kienet saħħitha aktar.

 

Ritratt: Lorry Sant u Duminku Mintoff/ Times of Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com