“Daqshekk Rajtek Għażiż Ħija…” Iħallina S-Sindku Ta’ Ħal Qormi

 “Daqshekk Rajtek Għażiż Ħija…” Iħallina S-Sindku Ta’ Ħal Qormi

Tħabbret il-mewt tas-Sindku ta’ Ħal Qormi Renald Falzon wara li kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei. Huwa kellu 46 sena u huwa l-iżgħar persuna li miet kaġun tal-Covid-19.

Fi stqarrija, il-Kunsill ta’ Ħal Qormi sellem lis-Sur Falzon u esprima s-sogħba mal-qraba tiegħu għal di it-telfa. “Grati għal dejjem għal dak kollu li Renald għamel għal-lokalità tagħn”, qal il-Kunsill.

Il-mewt ta’ Renald wasslet ukoll għar-reazzjoni ta’ ħuh Marco.

“Daqshekk rajtek għażiż ħija. L-aħħar nifs kellu jkun illum… Strieħ fis-sliem u sellili għal missieri”, temm jgħid Marco.

Il-mewt tiegħu ġabet ukoll reazzjoni mill-Qriema b’bosta jsellmulu għall-ħidma li wettaq kemm dan iservi fil-Kunsill Lokali.

“Ħal Qormi u niesu jikbuk għażiż Sindku. Kont sindku ħabbrieki, raġel tal-familja u raġel umli. Kulħadd kliem ta’ tifħir kellu lejk. Grazzi ta’ ħidmietek Sur Sindku, żomm idejk fuq il-familja. San Ġorġ u San Sebastjan, Patruni ta’ din il-Belt jilqawk fi ħdanhom biex ilaqqawk mal-Ħallieq”, kitbet Elaine Schembri.

Il-Partit Laburista jsellem il-memorja ta’ Renald Falzon

Fi stqarrija, il-Partit Laburista esprima s-sobgħa tiegħu għat-telfa ta’ Renald Falzon.

Renald ġie elett Kunsillier f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità ta’ Ħal Qormi fl-2015. Fl-2019 huwa ġie elett bħala Sindku.

Il-PL qal li Renald kien ta’ eżempju għal ħafna fil-Partit Laburista. Huwa ħadem qatiegħ fi ħdan l-istrutturi tal-Partit kemm fuq livell lokali, distrettwali filwaqt li ta sehmu wkoll fl-elezzjonijiet lokali Nazzjonali.

Huwa se jibqa’ wkoll imfakkar għall-ħidma tiegħu fil-qasam volontarju ma’ diversi għaqdiet lokali.

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Renald Falzon u ta l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lil dawk l-aktar qrib tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com