“Għamilt Tlitt Ijiem Nibki, Naqra L-Messaġġi Sbieħ Li Rċevejt.” – Joseph Debono

 “Għamilt Tlitt Ijiem Nibki, Naqra L-Messaġġi Sbieħ Li Rċevejt.” – Joseph Debono

Joseph Debono, magħruf għal karattru komiku f’Xarabank ta’ James Bondin, dan l-aħħar qasam l-aħbar illi għandu l-ALS. Hu ħass li b’hekk seta’ jgħin lil Bjorn fil-ġbir ta’ fondi u oħrajn bħalu li għandhom l-ALS.

Jistqarr li l-ewwel reazzjoni tiegħu wara li ħa l-aħbar kienet li ma xtaq ikun ta’ piż fuq ħadd. Beda’ jaħseb għal ċertu tibdil fid-dar biex inaqqas il-periklu u t-tbatija. B’hekk ikun jista’ jkompli b’ħajtu.

“Li taċċetta s-sitwazzjoni l-ġdida hija kruċjali”, jgħid Joseph. “Ladarba aċċettajtha stajt ukoll naħseb f’soluzzjonijiet. Id-determinazzjoni tiġi wkoll bl-għajnuna tal-mara u tal-familja, u tal-kuraġġ u l-pariri ta’ Bjorn.” Huwa proċess twil biex wieħed jaċċetta u jadatta għal realtà kompletament differenti milli jkun imdorri jgħix fiha. Dan qalu f’intervista ma’ Roberta Magri fuq is-sit http://skoperta.net

Ir-rispons li rċieva Joseph kien sabiħ ħafna, u kienet esperjenza li mlietu bil-kuraġġ. “Emozzjoni kbira. Għamilt tlett ijiem nibki, naqra l-messaġġi sbieħ li rċevejt. U kważi ma weġibt lil ħadd daqs kemm kien hemm. Xi wħud minnhom weġibthom ħafna wara. Stennejt rispons, imma mhux daqshekk. Kellmuni ħbieb li kont ilni ma nkellimhom snin, u ħafna nies oħra li ma nafhomx. Is-solidarjetà li ħassejt ferħitni mhux ftit”, jgħid Joseph.

Jistqarr li kollox sar diffiċli għalih, anki sempliċement iż-żewġ tarġiet ta quddiem il-bieb ta’ barra saret ħaġa ta’ sfida biex jitlagħhom. Però l-ikbar biżgħa hija li ma jkunx jista’ jitkellem ċar.

Bjorn għamel differenza kbira f’ħajjet Joseph, bil-kuraġġli joffrilu kull meta jitkellmu. Tah għajnuna morali u materjali bħal sodda u apparat biex iħaddem kompjuter b’għajnejh.

Joseph jagħti parir lil dawk li jkollhom lil ta’ madwarhom b’din il-kundizzjoni, “Offru l-għajnuna, imma tisfurzawhomx iżżejjed. Ħalluhom jiddeċiedu huma. Il-kapaċità mentali tagħhom ħafna drabi tkun għadha tajba.”

Jgħaddi ukoll messaġġ lil dawk il-persuni li jirċievu l-aħbar. “Kif issir taf, daqqa iebsa ħafna. Jien tgħidx kemm bkejt. Imma mbagħad trid tibda t-triq biex taċċetta s-sitwazzjoni. Malli taċċettaha, tkun tista’ tibda taħseb dwar soluzzjonijiet. U tiddejjaqx titkellem dwar il-kundizzjoni. Meta titkellem tinduna li m’intix waħdek.”

 

Ritratt: skoperta.net

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com