Il-Pulizija Tarresta 3 Persuni Wara Li Ħatfu Omm Ta’ 50 Sena Fl-Imsida – Tinstab F’Buġibba

 Il-Pulizija Tarresta 3 Persuni Wara Li Ħatfu Omm Ta’ 50 Sena Fl-Imsida – Tinstab F’Buġibba

Ħidma delikata mill-Pulizija ta’ wasslet biex mara ta’ 50 sena mil-Libanu, li nħatfet mir-residenza tagħha fl-Imsida, instabet qawwija u sħiħa f’appartament f’Buġibba.

B’rabta ma’ dan il-każ, ġew arrestati żewġt irġiel Libjani ta’ 43 u 36 sena u tfajla Maltija ta’ 22 sena, li allegatament ħatfu lil mara.

Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija s-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija meta l-Pulizija rċeviet telefonata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana minn raġel jirrapporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu.

Investigazzjoni min-naħa tad-Distrett irriżulta li l-mara nħatfet mir-residenza tagħha u minnufih bdiet tfittxija għaliha, kif ukoll għall-persuni li ħatfuha. L-investigazzjoni wasslet biex is-Sibt, f’xi l-għaxra u nofs iż-żewġ Libjani ġew arrestati mill-Pulizija tar-RIU f’Tas-Sliema.

Ftit wara l-ħdax, il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri u tar-RIU, sabu lil mara, li kienet qiegħda tinżamm mit-tfajla Maltija f’appartament fi Triq Barnaba, f’Buġibba.

It-tliet persuni arrestati ttieħdu l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li l-vittma ngħatat kura f’ċentru tas-saħħa. Il-vittma qiegħda tingħata wkoll assistenza mill-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali. It-tliet persuni se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit u jkunu akkużati mill-Ispetturi John Spiteri, Stephen Gulia u Jessica Bezzina, bi ħtif ta’ persuna, sekwestru u biża’ bi vjolenza, fost akkużi oħra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com