It-Tfal Kif Jintlaqtu Mis-Separazzjonijiet?

 It-Tfal Kif Jintlaqtu Mis-Separazzjonijiet?

Illum il-ġurnata, sfortunatament, hija realtà li nisimgħu biha ta’ kuljum, fejn koppji li jkunu għamlu tul ta’ żmien flimkien jiddeċiedu illi r-relazzjoni ma fadlilhiex skop, u jmorru għal rashom. Iżda x’jiġri meta jkun hemm it-tfal? Dawn kif jintlaqtu meta l-ġenituri jiddeċiedu li ma jibqgħux flimkien?

Tkellimt ma’ Marisa Mintoff; ‘counsellor’ li tispeċjalizza fit-tfal u tifforma parti mit-tim interdixxiplinarju ta’ Polaris BrainGym and Wellbeing Factory. Marisa spjegatli li t-tfal huma intelliġenti ħafna, josservaw kollox u jħossu t-tensjoni jekk ir-relazzjoni bejn il-ġenituri ma’ tkunx sejra tajjeb, sew jekk hemm għajjat u sew jekk hemm silenzju. Dan iseħħ ukoll jekk hemm każi ta’ mard jew nuqqas ta’ xogħol fost oħrajn.

Staqsejtha kif iġibu ruħhom it-tfal fejn hemm ġlied jew nuqqas ta’ armonija fil-familja, u għal dan, Marisa wieġbet;

“Dan jiddependi minn kull każ u kull tifel u tifla.  Għandek tfal li jingħalqu fihom infushom, oħrajn tara li bil-kontra saru agressivi, oħrajn lanqas jistgħu ipoġġu fuq siġġu. Naraw anki sintomi fiżiċi bhall-użu tat-toilet ta’ spiss jew rari, twaqqih ta’ xagħar jew anki jiġbdu xagħarhom, jintefgħu bi ħġarhom fl-istudju jew bil-kontra….il-lista hija twila mhux ħażin u ma jfissirx li kull tifel jew tifla trid tgħaddi minn dan għaliex jekk ikun hemm is-sapport u t-tfal qed jingħataw spazju fejn jesprimu dak li qed iħossu u minn x’hiex għaddejjin, is-sintomi jonqsu ħafna jew ma jkunx hemm.”

Kompliet tispjega illi meta ssir is-separazzjoni, t-tfal jistgħu jieħdu r-ruħ għax spiċċat in-nuqqas ta’ armonija, jistgħu jħossu n-nuqqas tal-ġenitur li telaq, isibuha diffiċli jadattaw għas-sitwazzjoni jew jinkwetaw li hemm ġenitur li qiegħed waħdu. L-etajiet tat-tfal ukoll tagħmel differenza, u jekk għandhomx aħwa li jistgħu jissapportjaw lil xulxin.

Meta mistoqsija fuq relazzjonijiet ġodda tal-ġenituri, Marisa tenniet li jiddependi r-relazzjoni meta bdiet. “Jekk din kienet wahda mir-raġunijiet għaliex il-ġenituri sseparaw ħafna drabi naraw rabja lejn din it-terza persuna.  Naraw ukoll li jekk isseħħ wara, jista’ jkun li tfal jaraw il-ġenituri kuntenti allura huma jkunu kuntenti.”

 

Huwa importanti ukoll li nifhmu li, għalkemm ir-relazzjoni spiċċat, xorta jibqgħu l-ġenituri tat-tfal. Jekk tidħol persuna oħra f’relazzjoni ma’ ġenitur, importanti li t-tfal jibnu relazzjoni tajba magħhom. Però din il-persuna qatt ma tieħu post il-ġenitur naturali, anzi, t-tfal joħolqu post ieħor biex iħobbu lil din il-persuna ġdida. Importanti li kliem kontra l-ġenitur l-ieħor ma jsirx quddiem it-tfal, għaliex it-tfal jibdew jobgħodu dik il-parti ta’ ġo fihom li tixbah lil dak il-ġenitur.

Marisa saħqet ukoll li għalkemm it-tfal ikunu qed jiġru minn dar għal oħra, il-familja ma nqasmitx, anzi kibret u ħadet tifsira differenti. Il-kunċett ta’ din il-familja nbidel. “Jiena nispjega din lit-tfal billi nagħmlu esperiment bix-xemgħat, fejn kull meta jidħol xi ħadd fil-familja nixgħelu xemgħa, u naraw x’jiġri…. Jintfew ix-xemgħat l-oħra? Le, iżda jkollna aktar dawl fil-kamra”, spjegat Marisa.

 

Din hija l-ewwel parti minn sensiela ta’ artikli li jikkonċernaw is-separazzjonijiet u t-tfal.

 

Ritratt: Google Images. Grazzi speċjali lit-tim ta’ Polaris Consultancy għall-għajnuna biex nikteb dawn is-sensiela ta’ artikli li ġejjin. 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com