Raġel Mit-Togo Arrestat Wara Li Pprova Jaħrab Mill-Pulizija

 Raġel Mit-Togo Arrestat Wara Li Pprova Jaħrab Mill-Pulizija

Raġel ta’ 43 sena mit-Togo, li joqgħod Birżebbuġa, qiegħed jinżamm arrestat wara li pprova jaħrab mill-pulizija, meta allegatament kien fil-pussess ta’ droga.

L-arrest seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tad-d-disgħa neqsin kwart waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fl-inħawi ta’ Triq is-Sajjieda, il-Marsa.

Kien hawn li l-Pulizija nnutaw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż. Malli l-pulizija avviċinawhom, wieħed mill-irġiel waddab fl-art borża tal-plastik u ħarbu f’direzzjonijiet differenti.

Il-pulizija ġabru l-borża u telqu jiġru wara ż-żewġt irġiel.

Wieħed minnhom ġie arrestat fi Triq il-Marsa u ttieħed l-Għassa tal-Ħamrun. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-persuna arrestata allegatament kienet fil-pussess tal-borża tal-plastik u li fiha kien hemm seba’ pakketti żgħar b’sustanza, allegatament droga cannabis.

Fil-pussess tiegħu nstab ukoll pakkett bi droga, suspettata kokaina.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li għaddejja tfittxija għall-persuna l-oħra.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com