Taqliba Fit-Temp: Meta Ser Ikollna L-Maltemp Din Il-Ġimgħa?

 Taqliba Fit-Temp: Meta Ser Ikollna L-Maltemp Din Il-Ġimgħa?
Wara diversi jiem konsekuttivi ta’ bnazzi, Novembru se jdawwar ir-rotta u jtina l-ewwel maltempati matul din il-ġimgħa, hekk kif żewġ sistemi ta’ maltemp abbinati ma’ ċirkolazzjonijiet ta’ pressjoni baxxa se jippenetraw fiċ-ċentru tal-Mediterran wara l-kollass tal-antiċiklun li issa rtira lejn ir-Russja u ċ-ċentru tal-Ewropa.
It-temp għal din il-ġimgħa mistenni li jibda ftit imsaħħab, iżda maltempata bir-ragħad fil-lejl li ġej se timmarka l-bidu ta’ ġranet ferm aktar instabbli milli kellna, abbinati mal-ewwel sistema ta’ maltemp.
Għaldaqstant għada 17/11 mistennija x-xita bir-ragħad, possibilment qawwija l-aktar filgħodu.
Bejn l-Erbgħa 18/11 u l-Ġimgħa 20/11 it-temp se jkun pjuttost varjabbli b’ħalbiet iżolati tax-xita u anke waqtiet xemxin jew bnazzi.
Lejn tmiem il-ġimgħa d-dieħla (bejn il-Ġimgħa 20/11 filgħaxija u l-Ħadd 22/11 filgħodu) tasal it-tieni sistema ta’ maltemp fiċ-ċentru tal-Mediterran li se tkun iżjed qalila minn tal-ewwel u bil-possibilità li tiżviluppa f’ċiklun jew grigalata (aktar dettalji jingħataw ‘il quddiem).
Ir-riħ se jdur mid-direzzjonijiet kollha u jkun ġeneralment ħafif jew moderat matul l-ewwel ħamest ijiem tal-ġimgħa li jsir ftit qawwi (sa Forza 5) waqt episodji ta’ maltemp. Lejn tmiem il-ġimgħa mistenni riħ qawwi li possibilment jilħaq riefnu mill-Grigal (NE) bejn is-Sibt 21/11 u l-Ħadd 22/11.
It-temperatura massima se titbaxxa minn ~23°C (għada t-Tnejn 16/11) għal ~18°C sa tmiem il-ġimgħa, filwaqt li dik minima tkun f’medja ta’ bejn 13°C u 15°C.
It-temperatura tal-baħar tkompli titbaxxa ftit ieħor u issa tinsab f’medja ta’ 21°C, li hi madwar 1°C ogħla mill-medja ta’ nofs Novembru.
Aktar aġġornamenti jsegwu. Xerrdu għall-oħrajn ukoll
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com