Ir-referees tal-PL Ingliża jsalvaw wiċċhom wara ċaqlieq f’regolament moqżież

 Ir-referees tal-PL Ingliża jsalvaw wiċċhom wara ċaqlieq f’regolament moqżież

Qed jiġi deskritt bħala ‘face-saving exercise’ jiġifieri eżerċiżżju ta’ malajr biex isalva r-reputazzjoni u fuq kollox wiċċ ir-referees tal-Premier League fl-Ingilterra, li fl-aħħar jiem għaddew minn kritika qawwija wara goal konvalidat għal Manchester City li f’logħba li fiha sabuha diffiċli ferm biex jiskurjaw il-ġimgħa li għaddiet kontra Aston Villa, sabu xaqq ta’ dawl b’dan il-goal li qatt ma kellu jingħata minn offside ċar fl-aħħar ħinijiet.

L-inċident xpruna serje ta’ diskussjonijiet fuq skali għolja fejn jidħlu referees fl-Ingilterra wara li l-goal ta’ Bernardo Silva ġab kritika ħarxa u pressjoni qawwija meta l-midfielder Rodri daħal minn posizzjoni lampanti ta’ offside (ritratt) biex seraq il-ballun lid-difensur tal-Villa Tyrone Mings qabel ma’ qassam lejn il-Portugiż Silva li fl-aħħar għaxar minuti fetaħ l-iskor għas-City f’rebħa ta’ 2-0.

Dan il-goal qajjem rabja mhux biss mal-vittmi tal-inċident jiġifieri esponenti ta’ Aston Villa bil-manager tagħhom Dean Smith saħansitra anke tkeċċa minn fuq il-bank għax ġustament protesta, iżda anke numru t’opinjonisti li taw il-fehma tagħhom dwar kif dan il-goal lil Man City qatt ma’ messu ingħata.

Il-goal ġab mistħija u kritika qawwija ħafna fuq ir-referees u dawk li jmexxuhom sakemm it-Tlieta ġiet imħabbra deċiżjoni biex f’okkażjoni oħra ta’ nċident simili, l-benefiċċju jew dubju (jekk wara kollox hemm dubju), jingħata lid-difensur u mhux lill-attakkant jew player f’posizzjoni avvanzata li f’din iċ-ċirkostanza prova u rnexxilu jqarraq meta sab ruħu diversi metri ‘l bogħod qabel l-aħħar raġel fil-linja difensiva avversarja, sakemm ġie minn wara biex seraq il-ballun li witta għall-gowl invalidu, li iżda r-referee tal-logħba dakinhar Jon Moss ħalla għaddej.

B’hekk uffiċjalment dan ir-regolament issa ġie ratifikat fl-eventwalita ta’ ċirkostanzi jew inċidenti simili waqt partiti fil-futur.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com