ISSA UFFIĊJALI – Valletta v Ħamrun Spartans L-Erbgħa DIRETTA Fuq TVM2

 ISSA UFFIĊJALI – Valletta v Ħamrun Spartans L-Erbgħa DIRETTA Fuq TVM2

Kull dubju issa huwa eliminat u d-dwell tant mistenni nhar l-Erbgħa li ġej mill-Kampjonat BOV Premier bejn ir-rivali kbar Ħamrun Spartans u Valletta se tixxandar LIVE fis-6.30pm fuq TVM2.

Il-klabb ta’ Ħamrun Spartans jidher li possibilment kien minn ta’ quddiem fil-ħsieb u s-sostenn biex din il-partita tingħata l-promozzjoni li jixirqilha u servizz denju lid-delettanti tal-futbol u telespettaturi oħra minn ġewwa djarhom.

Is-servizz lit-telespettaturi bix-xandira esklussiva ta’ dan il-konfront huwa barra mill-iskeda solita ta’ trasmissjonijiet ta’ logħbiet mill-futbol domestiku hekk kif mhiex prassi normali li jkun hemm servizz dirett fi programm ta’ partita waħda biss.

Iżda minħabba l-kobor u l-aspettativi għal dan il-konfront, l-isforz kollettiv ta’ uħud ħalla riżultat pożittiv u issa d-delettanti u telespettaturi oħra jistgħu jaraw dawn id-disgħin minuta mill-kumdita ta’ djarhom f’sitwazzjoni bla preċedent li qed ngħixu fiha lkoll bil-partitarji projbiti milli jidħlu jew jersqu lejn l-istadiums, parti mir-rakomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika marbuta mal-pandemija COVID19.

Dan id-dwell bejn l-arċi-rivali tas-snin tmenin kien oriġinarjament skedat għall-bidu ta’ Jannar bħala parti minn MD14 iżda issa minħabba li f’dak il-perjodu Valletta kellhom numru ta’ ndividwi li kellhom joqgħodu kwarantina minħabba xi każijiet pożittivi fil-klabb, din il-partita kellha tiġi re-skedata u issa se tintlgħab nhar l-Erbgħa li ġej, 27 ta’ Jannar, 2021.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com