It-Temp Għal Din Il-Ġimgħa… Se Jkollna Tibdil – Maltemp, Xita, Riħ U…

 It-Temp Għal Din Il-Ġimgħa… Se Jkollna Tibdil – Maltemp, Xita, Riħ U…
Wara jumejn ta’ sħana rekord għal pajjiżna fix-xahar ta’ Jannar, it-temp se jerġa’ jiksaħ f’temp ta’ 36 siegħa (minn issa) hekk kif il-kurrenti se jbiddlu d-direzzjoni lejn il-Majjistral u wara jsiru qawwija għall-parti l-kbira mill-ġimgħa d-dieħla li fi tmiemha se tkun madwar 13°C iżjed kiesħa mill-jumejn li għaddew.
It-temp għall-ġimgħa d-dieħla se jkun ġeneralment instabbli u mirjieħ, b’temperaturi ferm aktar staġjonali u baxxi milli kellna. Għada t-Tnejn 11/1 il-ġurnata tibda xi ftit imċajpra u tibnazza sa filgħaxija, iżda maltempata kmieni t-Tlieta 12/1 hi ferm possibbli (60%) u tkun il-preludju ta’ ġranet b’#riħ qawwi u l-ħalbiet tax-xita (u lejn tmiemha anke bis-silġ) għall-kumplament tal-ġimgħa.
Ir-riħ se jkun ġeneralment ħafif jew moderat għada t-Tnejn 11/1 sat-Tlieta 12/1, iżda mbagħad jitqawwa mit-Tlieta 12/1 waranofsinhar (sa Forza 7) bl-aktar jum mirjieħ ikun dak tal-Ħamis 14/1. Id-direzzjoni ewlenija li minnha se jonfoħ ir-riħ se tkun mill-Majjistral (NW).
It-temperatura massima se tiksaħ f’daqqa u minn ~18°C għada t-Tnejn 11/1 se tinżel sa ~12°C sa tmiem il-ġimgħa. It-temperatura minima se tvarja bejn 14°C għada t-Tnejn 11/1 filgħodu u tinżel taħt l-10°C sa tmiem il-ġimgħa.
It-temperatura tal-baħar tinsab f’medja ta’ 17°C, li hi madwar 1°C ogħla mill-medja għal nofs Jannar.
Aktar aġġornamenti jsegwu. Xerrdu għall-oħrajn ukoll

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com