Liverpool jitilfu f’darhom fil-Premier League wara 1369 jum

 Liverpool jitilfu f’darhom fil-Premier League wara 1369 jum

Tasal l-ewwel telfa għal Liverpool f’darhom fil-Kampjonat wara kwazi erba’ snin, kontra kull mistenni l-Ħamis sfaw megħluba f’Anfield 1-0 minn Burnley.

Penalty ta’ Ashley Barnes fit-83 minuta bizzejjed għat-tim minn Lancashire biex kisbu dir-rebħa storika u tathom nifs qawwi fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni.

Għal Liverpool waqfet fuq 68 il-mixja ta’ logħbiet infila f’darhom fil-Kampjonat mingħajr telfa, din tal-Ħamis kellha tkun id-69 waħda.

Għat-tim tal-manager Jurgen Klopp jidher li saret problema biex isibu x-xibka, l-ebda goal skurjat fl-aħħar ERBA’ PARTITI fil-Premier League, l-aħħar rebħa għalihom dejjem fil-Premier League kienet aktar minn xahar ilu 7-0 għand Crystal Palace fid-19 ta’ Diċembru li għadda.

Minn dakinhar, dejjem fil-Kampjonat draw 1-1 f’darhom ma’ West Brom, draw ta’ 0-0 għand Newcastle, telfa 1-0 għand Southampton u l-aktar riċenti draw ieħor 0-0 f’darhom kontra r-rivali Manchester United il-Ħadd li għadda.

Ċertament mixja patetika li zgur mhiex denja ta’ Champions jew ta’ team determinat li jzomm it-titlu mirbuħ meritatament u fil-wisa’, b’distakk qawwi ta’ punti vantaġġ fuq ta’ warajhom, l-istaġun li għadda.

L-indikazzjonijiet ħziena dan l-istaġun minn kmieni bdew għar-Reds b’dik it-telfa 7-2 għand Aston Villa fil-bidu ta’ Ottubru li għadda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com