Ommijiet Li Jwelldu Waqt Li Jkunu Pożittivi Għall-Covid-19 Qed Jinfirdu Mit-Trabi Tagħhom Mat-Twelid

 Ommijiet Li Jwelldu Waqt Li Jkunu Pożittivi Għall-Covid-19 Qed Jinfirdu Mit-Trabi Tagħhom Mat-Twelid

F’intervista ma’ Times of Malta l-omm Rosanne Scerri tkellmet dwar l-esperjenza tagħha tat-twelid ta’ bintha waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19. Ftit jiem qabel welldet, Scerri ttestjat pożittiva għall-coronarvirus, b’hekk din l-omm ġiet isseparata minn ma’ bintha eżatt wara it-twelid. Hija tirrakonta li l-qabla wrietha lil bintha għal ftit sekondi biss u imbagħad ħaduha f’kamra separata sabiex iżommu lill-omm f’iżolament.

Diversi ommijiet qed jargumentaw kontra din il-prassi u qed jgħidu li dan imur kontra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Sa issa kien hemm 33 omm li ġew separati mit-trabi tagħhom immedjatament wara t-twelid minħabba li kienu pożittivi għall-Covid-19.

Studji juru li l-kuntatt bejn l-omm u t-tarbija tagħha fl-ewwel ġranet huwa ndispensabbli. Illum għaddew 3 xhur mit-twelid tat-tarbija ta’ Rosanne Scerri iżda hija tgħid li għadha tħossha trawmattizata b’din l-esperjenza, tant li ddeskriviet il-jiem ta’ wara it-twelid bħala “a living hell”.

Rosanne tirrakonta li għal bidu kienet se tieħu azzjoni legali dwar dan iżda imbagħad ħassitha konfuża u mbeżża mill-possibbiltà li tgħaddi l-virus lit-tarbija tagħha, u għalhekk iddeċidiet li ma tkomplix bl-azzjoni legali.

Dwar dawn il-każijiet ta’ separazzjoni mat-twelid minħabba l-Covid-19, il-Ministeru tas-Saħħa ddefenda l-protokoll. “Fil-preżent, jidher li r-riskju li tarbija tat-twelid tikkuntratta l-Covid-19 mill-omm huwa baxx, iżda xorta hemm ir-riskju,” qalet kelliema tal-Ministeru tas-Saħħa ma’ Times of Malta. 

Il-kelliema tal-Ministeru qalet li l-awtoritajiet qed isibu bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-ommijiet, it-trabi tagħhom, trabi oħra u s-sigurtà tal-ħaddiema tas-saħħa f’Mater Dei.

Huwa bla dubju li din mhiex is-sitwazzjoni ideali, iżda l-Ministeru tas-Saħħa jħoss li din il-prassi hija neċessarja f’dan l-istadju sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni virali lil trabi tat-twelid fl-Isptar Mater Dei.

 

 

 

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com