Atletika – Carla Scicluna Tikkwalifika Għall-Kampjonati Ewropej

 Atletika – Carla Scicluna Tikkwalifika Għall-Kampjonati Ewropej

L-istaġun xitwi tal-atletika Maltija laħaq il-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa bil-Kampjonati Nazzjonali tax-Xitwa li saru fil-Matthew Micallef St John fil-Marsa. Minkejja ġurnata pjuttost sħuna għal Frar, numru ta’ atleti, kbar u żgħar, kisbu prestazzjonijiet mill-aqwa li jinkludu wkoll rekords li tniżżlu fl-istorja tal-isport.

Carla Scicluna (Pembroke) rebħet b’mod konvinċenti l-isprint tas-60m tan-nisa, b’ħin ta’ 7.69s minkejja riħ kontra. Dan il-ħin jippermetti lil Carla biex tikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej indoor li se jsiru f’Torun fil-Polonja ħmistax oħra. Fost l-irġiel, Steve Camilleri (Pembroke) daħal l-ewwel b’7.22s.

Għal Mireya Cassar, atleta ta’ Pembroke, kienet ġurnata li se tibqa’ tiftakar, hekk kif rebħet żewġ titli nazzjonali, fil-hammer throw (42.96m) u x-shot put (11.15m). Aktar minn hekk it-tefa’ tagħha fil-hammer irriżulta wkoll f’rekord Nazzjonali ta’ taħt l-20 sena.

Matul il-ġurnata nkisru żewġ rekords nazzjonali. Sarah Chouhal tejbet il-ħin tat-300m hurdles, b’47.85s filwaqt li Peppina Dalli (Pembroke) tejbet l-qabża fil-pole vault għal 3.71m.

Fil-qbiż, fejn ukoll ir-riħ kien fattur li kellu effett fuq il-prestazzjonijiet, Claire Azzopardi u Rachela Pace, it-tnejn ta’ Pembroke, qasmu l-unuri, b’Azzoppardi tirbaħ it-triple jump u Pace l-long jump. Fl-irġiel, Ian Grech rreġistra doppjetta.

Fit-tlielaq it-twal, Jean Paul Debono (Zurrieq Wolves) rebaħ it-3,000m bl-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 8.53.64, bl-atleta David Borg of Athletix jispiċċa t-tieni b’9.03.51.

Il-kompetizzjoni tal-5000 metru attirat parteċipazzjoni qawwija, tant li Athletics Malta għall-ewwel darba organizzat tliet heats għal-livelli differenti. Luke Micallef, ta’ Pembroke, rebaħ it-titlu b’ħin eċċellenti ta’ 14.46.59. Lisa Bezzina kkonfermat is-saħħa tagħha fuq id-distanza fost it-tfajliet, u daħlet l-ewwel Maltija b’17.28.14, wara Thalia Chorolombous (Ċipru), li kienet waħda minn sitt atleti barranin mistiedna għal dan l-avveniment.

Omar El Aida Cheaffy (Starmax) għadda bi ftit lil Graham Pellegrini (Pembroke) fit-300m filwaqt li Rachid Chouhal (Rush) kiser ir-rekord tat-300m tal-fuq minn 40 sena b’ħin ta’ 38.25. Fl-ewwel avveniment tagħha din is-sena, Janet Richard (Pembroke) rebħet l-400m f’ħin ta’ 40.69, b’Martha Spiteri (Zurrieq Wolves) tispiċċa t-tieni.

Rekords oħra twaqqfu minn Luka Aras ta’ St Patrick’s (300m hurdles – U20, 44.55s), Andre Sciberras (Allcomers Aloysians, U18 triple jump) u Isaac Bonnici (Rush), (600m U16 Subien). Julian Zarb (La Salle) kiser ir-rekord ta’ taħt is-16-il sena fl-1500m steeple chase b’ħin ta’ 4.47.46.

Fit-tmiem ta’ ġurnata mimlija attivitajiet, Andy Grech President ta’ Athletics Malta, qal li minkejja li kienu ħmistax ta’ sfida kbira għall-atleti u l-uffiċjali, kienu sodisfatti ferm bil-mod kif tmexxew il-Kampjonati u bil-mod kif ġie organizzat l-avveniment f’qasir żmien.

 

Ritratt: Timmy Cutugno

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com