Eluf Mietu f’Xogħol Ta’ Kostruzzjoni Għat-Tazza tad-Dinja 2022 fil-Qatar

 Eluf Mietu f’Xogħol Ta’ Kostruzzjoni Għat-Tazza tad-Dinja 2022 fil-Qatar
Minn stħarriġ tal-ġurnal Ingliż The Guardian jirriżulta li 6,500 ħaddiem barrani u li ġejjin minn pajjiżi bħall-Indja, l-Pakistan, in-Nepal, Bangladesh u Sri Lanka u li fl-aħħar snin qasmu lejn il-Qatar bħala immigranti fit-tama għal ħajja aħjar, tilfu ħajjithom waqt xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni fil-faċilitajiet state of the art li qed jinbnew għat-Tazza tad-Dinja s-sena d-dieħla fil-Qatar.
Dan ifisser li bħala medja mietu tnax-il ħaddiem immigrant fil-ġimgħa minn dawn il-pajjiżi minn meta f’Diċembru tas-sena 2010 l-Qatar rebħet il-bid biex tospita din it-Tazza tad-Dinja.
Mhux eskluż li l-bilanċ tal-mejta fost ħaddiema barranin fil-bini ta’ proġetti għal din it-Tazza tad-Dinja huma ferm akbar, bl-ebda nformazzjoni ma’ nħarġet s’issa dwar ħaddiema mill-Kenya u l-Filippini, kif ukoll il-figuri mill-aħħar xhur tas-sena li għaddiet.
It-Tazza tad-Dinja fil-Qatar ilha mifnija b’kontroversja wara l-oħra mill-ewwel nifs li dan il-pajjiż mill-Lvant Imbiegħed rebaħ id-dritt li jospita din il-manifestazzjoni, l-element finanzjarju ssemma ħafna b’dubji kbar dwar it-trasparenza tal-FIFA fl-għoti ta’ dan l-avveniment, dan apparti kontroversja ma’ tieqafx lanqas dwar kemm jagħmel sens li Tazza tad-Dinja tintlgħab f’Diċembru u mhux fis-sajf, kif dejjem ġara.
L-infrastruttura fil-Qatar għal dawn il-logħob tul l-aħħar għaxar snin ma’ qatgħet xejn bil-bini ta’ seba’ stadiums ġodda, ajruport ġdid, toroq, sistema ġdida tat-trasport, lukandi lussużi u saħansitra belt ġdida li qed tinbena apposta biex tilqa’ l-mistiednin distinti, partitarji u oħrajn tul il-ġimgħat tal-kompetizzjoni u tinżamm bħala legat hekk kif tiġi fi tmiemha l-kompetizzjoni.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com