Il-MPE Alex Agius Saliba Bi Pressjoni Għal Aktar Flus Għall-Ħaddiema, Żgħażagħ U T-Tfal

 Il-MPE Alex Agius Saliba Bi Pressjoni Għal Aktar Flus Għall-Ħaddiema, Żgħażagħ U T-Tfal

F’vot fil-Kumitat tal-Impjiegi tal-Parlament Ewropew, il-MPE Alex Agius Saliba irnexxielu jassigura finanzjament aktar b’saħħtu għal ħafna programmi progressivi tal-S & D  għaż-żgħażagħ, it-tfal, in-nisa, il-ħaddiema, is-saħħa, il-klima, it-tranżizzjoni, u l-irkupru mill-kriżi.

“Il-baġit tal-UE huwa ċ-ċans tagħna li nuru liċ-ċittadini, liż-żgħażagħ tagħna, u lit-tfal li ninsabu magħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Il-kriżi Covid ser tkompli timpatta u taffettwa  severament is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-persuni. Il-miżuri ta’ trażżin f’ħafna pajjiżi kixfu l-fraġilità finanzjarja ta’ miljuni ta’ familji, ħaddiema, u negozji li għandhom diffikultajiet biex jiltaqgħu mal għanijiet.” qal il-MPE Agius Saliba ftit wara l-vot.

Huwa spjega li sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons mingħajr preċedent, u huwa għalhekk li l-baġit tal-UE huwa kruċjali biex jiżgura l-protezzjoni soċjali u inizjattivi ta’ politika li jistgħu jwittu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi u jiżguraw tranżizzjoni ġusta u reżiljenza soċjali għaċ-ċittadini Ewropej. Il-MPE Agius Saliba qal li l-pożizzjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi, bħala l-Kumitat li jħares u jiddefendi l-interessi diretti tal-ħaddiema, hija kruċjali f’dan ir-rigward.

Minkejja l-oppożizzjoni u l-vot kontra tal-MPE David Casa u tal-Partit Popolari Ewropew, Alex Agius Saliba insista fuq il-bżonn ta’ aktar ambizzjoni u investimenti mill-Istati Membri fil-Garanzija għaż Żgħażagħ u l-iskemi ta’ Garanzija għat-Tfal. Huwa rnexxielu wkoll jassigura l-appoġġ tal-Kumitat għal sejħa għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tal-Qgħad permanenti.

“Ninsab kburi li gruppi politiċi oħra raw l-importanza li jgħinu liż-żgħażagħ u t-tfal Ewropej u appoġġjaw il-proposti tiegħi li se jgħinu lil ħafna. Diġà qabel il-kriżi, aktar minn kwart tat-tfal kollha fl-UE kienu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, u fil-kuntest tal-irkupru mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u l-qgħad fost iż-żgħażagħ se ssir saħansitra aktar importanti,” qal il-MPE Agius Saliba.

Agius Saliba esprima wkoll id-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-MPE David Casa u l-PPE vvutaw kontra r-rimarki kritiċi tiegħu dwar il-Parlament Ewropew għat-tkeċċija ta’ 60 impjegat li kienu ngaġġati bħala ħaddiema esterni fis-servizzi tal-catering tal-Parlament. Huwa qal li l-biċċa l-kbira tas-setturi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 kienu setturi essenzjali, li  wħud minnhom għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji.

“Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-eżempju biex iżomm kemm jista’ jkun ħaddiema essenzjali fix-xogħol matul il-pandemija, u għandhom isiru sforzi speċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rikonoxximent ta’ dawn is-setturi.” qal Agius Saliba.

“Huwa diffiċli li wieħed jifhem l-oppożizzjoni tal-PPE għall-provvista ta’ riżorsi suffiċjenti u għall-għajnuna lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema essenzjali. Iżda ninsab kuntent li minkejja dan, il-Kumitat aċċetta l-proposti kollha tiegħi, u issa għandna pożizzjoni soċjalista b’saħħitha li ssaħħaħ l-azzjonijiet finanzjarji għall-qgħad, il-ħaddiema u l-gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ u t-tfal. Peress li l-impatt sħiħ tal-kriżi għad irid jiġi, il-baġit li jmiss tal-UE għandu jirrifletti l-prijoritajiet taċ-ċittadini filwaqt li jżomm ukoll id-dimensjoni soċjali li ma tħalli lil ħadd lura.” qal l-MPE Agius Saliba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com