L-Ewwel Anniversarju: Proposta Biex Tissemma Triq Għal Miriam Pace

 L-Ewwel Anniversarju: Proposta Biex Tissemma Triq Għal Miriam Pace

Sena mit-traġedja li ħalliet lil Miriam Pace mejta wara li ġġarfet id-dar tagħha waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni biswit id-dar, qed issir propost biex triq ġdid li nfetħet 200 metru bogħod minn fejn kienet tgħix Miriam Pace, tissemma għaliha.

It-traġedja seħħet kważi sena ilu, fit-2 ta’ Marzu 2020, meta id-dar ġġarfet kollha u kien baqa’ biss terrapien u partijiet żgħar tad-dar.

Il-Proposta biex it-triq il-ġdida li nfetħet minn Santa Venera lejn il-Marsa-Ħamrun Bypass saret mill-minority leader ta’ Santa Venera Darren Carabott.

F’post fuq facebook il-minority leader qal li ressaq proposta biex it-triq il-ġdida li saret f’Santa Venera tissemma’ ‘Triq Miriam Pace’.

Din it-triq li nfetħet ftit tax-xhur ilu, tinsab madwar 200 metru ‘l bogħod minfejn seħħet it-traġedja li ħasdet pajjiżna sena ilu.

Darren Carabott sostna li minħabba li din it-triq għadha bla isem, tkellem u talab il-permess mingħand il-familja Pace biex iressaq din il-proposta.

Carabott sostna li “qatt ma tista’ ssir ġustizzja mal-familja Pace għal dak li tilfu, u għalhekk inħoss li rridu nżommu l-memorja ta’ Miriam ħajja u nfakkru għalxiex mietet. Dan fl-istess waqt li tibqa’ b’saħħitha l-għajta tagħna għar-riforma biex kulħadd iħossu komdu u sigur ġewwa daru jew darha”.

Din il-proposta issa trid tkun rakkomandata mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera lill-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq.