MD22 fi tmiem il-ġimgħa.. Sfida għat-titlu s-Sibt.. Min Ser Jirbaħ Gżira jew Ħamrun?!

 MD22 fi tmiem il-ġimgħa.. Sfida għat-titlu s-Sibt.. Min Ser Jirbaħ Gżira jew Ħamrun?!

PREVIEW – MD 22

Gżira U. v Ħamrun S. (is-Sibt fis-6pm Stadium Nazzjonali)

Waħda mil-logħbiet għar-rebħ tat-titllu issa li resqin lejn l-aktar fażi mportanti tal-Kampjonat BOV Premier.

Erba’ punti biss jifirdu liż-żewġ naħat, Gżira United b’46 punt, Spartans 50.

Żewġ naħat li għaddejjin min serje pożittiva.

Filwaqt li Ħamrun Spartans ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 16-il partita, Gżira United ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi.

Karl Micallef sospiż għal Ħamrun Spartans, ftit dubjuż Emerson Marcelina mill-bqija skwadra twila għall-kowċ Mark Buttigieg li xorta se jinżel bi ħdax formidabbli biex jikseb it-tliet punti, jagħmel pass importanti lejn ir-rebħ tal-ewwel Kampjonat għall-klabb fi tletin sena u forsi jeliminaw kandidat minn tnejn fl-isfida finali.

Maroons iżda jinsabu f’forma stupenda, l-moral tal-players jinsab m’għola s-sema u żgur se jagħtu kollox biex din l-opportunita unika li jkompli jisfidaw għat-titlu mhux se jħalluwha faċli taħarbilhom minn taħt idejhom.

Attenzjoni għaż-żewġ atttakkanti prolifiċi wieħed fuq kull naħa, Jorge Ailton Soares tal-Ispartans u Maxuell Maia tal-Maroons li t-tnejn għandhom intuwizzjoni naturali lejn ix-xibka avversarja.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Gudja U. v  Tarxien R. (il-ġimgħa fil-5pm Centenary Stadium)

Gudja United jiltaqgħu kontra Tarxien Rainbows li għandhom joffru partita mill-aktar interessanti. Dan minħabba li ż-żewġ timijiet qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Rebħa għall-Gudjani tpoġġi lit-Tarxiniżi f’aktar periklu iżda jekk dawn tal-aħħar jirnexxielhom jiksbu t-tliet punti, inaqqsu d-distakk għal tliet punti fil-konfront tal-istess Gudja biex is-sitwazzjoni fin-naħa t’isfel tal-klassifika ssir aktar komplessa.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx players sospiżi filwaqt li r-Rainbows ikunu msaħħa bir-ritorna ta’ Eduardo Rosado minn sospensjoni, waqt li jimmiraw li jpattu għat-telfa tal-ewwel round bl-iskor ta’ 5-0.

Sirens v Lija A. (il-ġimgħa fid-9pm Centenary Stadium)

Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li wkoll qed jissietlu għas-salvazzjoni hekk kif xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Rebħa għal Sirens tbiegħdhom aktar miż-żona l-ħamra meta jinsabu fl-10 post b’26 punt u jagħtu daqqa oħra ‘l isfel lil Lija Athletic li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. Iżda rebħa għall-Athletics tkun tfisser nifs ġdid minkejja li ċ-ċansijiet tagħhom jibqgħu limitati.

Għal Sirens jirritorna Jammeh Tamsir minn sospensjoni fejn jimmiraw li jagħmlu double fuq Lija wara li fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Birkirkara v Floriana (is-Sibt fis-2pm Stadium Nazzjonali)

Birkirkara jaffrontaw lil Floriana f’dik li hija meqjusa bħal partita mill-aktar diffiċli għaż-żewġ timijiet li huma fil-bżonn tal-punti … l-Karkariżi biex jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League u l-Furjaniżi biex isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni.

Barra minn hekk, il-Greens iridu jpattu għat-telfa tal-ewwel round bl-iskor ta’ 5-2 … iżda filwaqt li huma ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Gudja United, l-Istripes ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers biex fallew żewġ punti u għaldaqstant jinżlu b’aktar determinazzjoni biex jiksbu t-tliet punti.

L-uniku player sospiż huwa dak ta’ Birkirkara, Oscar Carniello, iżda jirritorna Enrico Pepe minn sospensjoni filwaqt li Floriana mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni tal-partita preċedenti.

Santa Lucia v Mosta (is-Sibt fis-2pm Hibernians Stadium)

Santa Lucia jiffaċċjaw lil Mosta f’konfront dirett hekk kif il-Mostin jinsabu fis-sitt post, punt aktar mil-Luċjani. Rebħa hija prijoritá minħabba li t-tellief jista’ jinqabad mal-grupp li qed jiġġieled kontra r-relegazzjoni.

Filwaqt li Mosta ġejjin minn draw ta’ bla goals kontra Sirens, Santa Lucia sofrew telfa ta’ 1-0 kontra Valletta.

Iżda Mosta se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Clayton Failla u Kevin Tulimieri, waqt li s-Saints jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli … biex ipattu wkoll għat-telfa ta’ 1-0 fl-ewwel round.

Hibernians v Żejtun C. (Is-Sibt fis-6pm Hibernians Stadium)

Hibernians u Żejtun Corinthians se jiltaqgħu għat-tieni darba fi spazju ta’ tlett ijiem meta proprju nhar l-Erbgħa li għaddew, il-Pawlisti għelbu liż-Żwieten bl-iskor ta’ 3-0, liema partita kienet valida mir-round tat-32 tal-FA Trophy.

Hibs jibdew favoriti li jirbħu t-tliet punti iżda jridu juru rispett massimu lill-avversarji li dejjem kienu sfidanti denji, li iżda, huma neqsin mill-esperjenza tal-ogħla diviżjoni. Barra minn hekk, il-Corinthians huma fil-bżonn tal-punti minħabba li jinsabu tliet punti biss fuq iż-żona l-ħamra.

Hibernians jilqgħu lil Raphael Dos Anjos minn sospensjoni, Żejtun ikunu msaħħa bir-ritorn wara kwarantina mandatorja, lil Kemar Reid u Vitor Vieira.

Fl-ewwel round f’partita attrajenti, Hibernians kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.

Balzan v Sliema W.

Din hija logħba miftuħa għal kull riżultat minkejja li l-pożizzjonijiet differenti taż-żewġ timijiet – filwaqt li Balzan jinsabu fit-13-il post b’20 punt, jiġifieri fiż-żona l-ħamra, Sliema Wanderers jinsabu fil-ħames post  b’37 punt … bl-unika ħaġa komuni bejniethom hija li fl-aħħar żewġ partiti naqsu li joħorġu rebbieħa.

Sliema se jkunu mingħajr is-sospiż Alessandro Milesi filwaqt li Balzan ikunu msaħħa bir-ritorn ta’ Weverton Gomes u Milan Duric.

Fl-ewwel round, Sliema kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

Senglea A. v Valletta

Din il-partita tagħlaq MD22, fejn Valletta jibdew favoriti netti kontra Senglea Athletic li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa u destinati li staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League.

Min-naħa tal-Beltin, iridu jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 1-0 kontra Santa Lucia.

Huma se jkunu mingħajr is-servizzi tal-goalkeeper, Henry Bonello li jrid jiskonta l-aħħar minn tliet partiti sospensjoni, jirritorna iżda għalihom Ryan Fenech.

Min-naħa tas-Sengleani, Dion Fava jinsab sospiż iżda jirritorna Zachary Cassar.

Fl-ewwel round, Valletta kienu rebħu 2-1.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com