Silta Minn Djarju Ta’ 2 Aħwa Nisa Li Tmur Lura 150 Sena U Li Ssemmi Ħarġa Qrib Ħaġar Qim

 Silta Minn Djarju Ta’ 2 Aħwa Nisa Li Tmur Lura 150 Sena U Li Ssemmi Ħarġa Qrib Ħaġar Qim

F’Jum il-Qrendi, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ippreżentat replika ta’ dokument uniku. Il-preżentazzjoni saret fl-okkażjoni ta’ ‘Ġieħ il-Qrendi’ organizzata mill-kunsill lokali.

Din ir-replika hija ta’ silta minn djarju ta’ żewġ aħwa nisa barranin li jmur lura madwar 150 sena li ssemmi ħarġa qrib it-tempji Megalitiċi ta’ Ħaġar Qim.

Id-djarju li minnu ttieħdet din is-silta kien ta’ żewġt aħwa Fanny u Louie Bunbury u huwa intitolat ‘Three Months in Malta’.

Dan id-djarju nstab waqt irkant u nxtara minn Heritage Malta minħabba l-interess dwar in-Navy Ingliża u l-influwenza tal-mara fis-soċjetà fis-seklu 19.

Dan id-djarju jinsab arkivjat fil-Mużew Marittimu Malti u saret replika ta’ paġna minnu biex tinżamm mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi.

“Dan id-djarju jsemmi  t-tempji li huma sit dikjarat mill-UNESCO bħala sit storiku dinji, minn angolatura li sal-lum ma konniex konxji tagħha. L-isbuħija tat-tempji tissemma f’dawn il-ħsibijiet personali li jitfgħu dawl fuq l-istil ta’ ħajja f’din l-epoka, u kif din iż-żona sa minn snin ilu kienet imfittxija għall-ħarġiet fil-kampanja.

“Dokument ta’ din ix-xorta, ikompli jsaħħaħ l-identità Maltija u jafferma l-importanza strateġika li kellhom dawn is-siti storiċi li dejjem ġibdu lejhom l-ammirazzjoni tal-Maltin u tal-barranin”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

L-aħwa Bunbury kienu ġew Malta f’Marzu tas-sena 1872 bl-iskop li Fanny ssib għażeb Ingliż li jkun eliġibbli biex jiżżewwiġha. L-aħwa kellhom djarju bejniethom u kienu jiktbu s-siltiet fih f’forma poetika, b’Louie tagħmel tpinġijiet żgħar mas-siltiet biex tingħata tifsira aktar faċli u attraenti.

Fis-silta li l-Ministru Farrugia Portelli rregalat lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi hemm rendikont fil-qosor ta’ picnic li attendew għalih  l-aħwa Bunbury u li kien sar f’dawk li Fanny sejħitilhom il-fdalijiet ‘meraviljużi u qodma’ tal-Qrendi. Ovvjament kienet qegħda tirreferi għat-tempji spettakolari ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, fejn flimkien mal-ħbieb u f’atmosfera ferriħija qasmu bejniethom l-ikel u x-xorb li kellhom. Fil-fatt, mas-silta hemm tpinġija li turi ċar lil Ħaġar Qim.

Aktar informazzjoni fuq dan id-dokument tinsab f’filmat fuq youtube bl-isem ‘Taste History Episode 4 – Ħaġar Qim’. F’dan il-filmat grupp ta’riċerkaturi minn Heritage Malta għamlu rikreazzjoni tal-ikel li Fanny u Louie Bunbury kienu qegħdin jieklu waqt il-picnic f’Ħaġar Qim. Sabu li l-inbid kien gej minn Alsace jew Tyrol, meqjus bħala inbid ħelu, filwaqt li sabu wkoll il-ħelu li kellhom, inlużi biskuttini tal-pistaċċi, biscotti di savoia u meringues tal-kafé u ċ-ċikkulata.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com