Fil-Qorti Staqsewh, “U Inti Bħala Raġel, Kapaċi Tieħdu Ħsieb It-Tfal?”

 Fil-Qorti Staqsewh, “U Inti Bħala Raġel, Kapaċi Tieħdu Ħsieb It-Tfal?”

Filwaqt li fil-pajjiż għaddejja diskussjoni sħiħa dwar ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-parlament, l-amministratur tal-paġna ta’ Facebook ‘Il-papa’ jħobbok ukoll‘ wessa id-diskussjoni meta qal li qabel ma nindirizzaw l-ugwaljanza fil-parlament għandha l-ewwel nindirizzaw il-problema tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri fuq livell aktar wiesa.

StradaRjali.com tkellem mal-amministratur ta’ din il-paġna dwar dan. Huwa beda l-konverżazzjoni billi staqsa “għala il-membri parlamentari qed ifittxu li jkun hemm ugwaljanza fil-parlament u mhux fil-qorti tal-familja? Għala fil-qorti tal-familja l-mara għadha meqjusa bħala dik li hi biss kapaċi trabbi?”

Huwa saħaq li wieħed ma jistax jippretendi li jkollna ugwaljanza fil-parlament meta dan ma jeżistix f’kull sfera socjali. Is-soċjetà tagħna għadha twassal l-idea li l-mara hija kapaċi trabbi t-tfal ferm aktar mill-irġiel, u din il-kultura twassal sabiex inqas nisa jkunu jistgħu jeskalaw il-karriera tagħhom, hekk kif huwa mistenni minnhom li jieħdu r-responsabbiltà assoluta tal-ulied. L-amministratur tal-paġna ta’ Facebook ‘Il-papa’ jħobbok ukoll’ jemmen li l-fatt li fil-qorti n-nisa għandhom ċans ferm aktar li jieħdu l-kustodja tat-tfal turi kemm il-kultura f’pajjiżna hija waħda sessista li tiffavorixxi lin-nisa għat-trobbija tal-ulied, u b’hekk tagħti aktar opporunità lill-irġiel sabiex jagħmlu suċċess fil-karriera tagħhom.

Huwa żied jgħid li jekk se nibqgħu npoġġu l-piż tal-familja fuq l-omm biss, bir-raġuni li “għax l-omm dejjem l-omm”, se inkunu qed innsaqsu l-possibilità li aktar nisa jkunu ommijiet tajbin u jkollhom karriera tajba wkoll.

Huwa rrakonta storja personali meta fil-qorti ġie mistoqsi mill-medjatriċi “u inti bħala raġel, kapaċi tieħdu ħsieb it-tfal?”. Huwa jisħaq li din il-mistoqsija għandu jkollha tweġiba ovvja, hekk kif kull missier għandu jkun kapaċi jrabbi lill-uliedu flimkien mal-omm.

“Jew ugwaljanza f’kollox, kif għandu jkun, jew se jkollna l-problemi. Ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-parlament mhix biżejjed, jeħtieġ li nattakkaw bosta sferi biex verament ikollna l-ugwaljanza. Hija inġusta li meta raġel jidħol il-qorti jaf li ċ-ċans li jerbaħ il-kustodja ta’ uliedu huwa ferm iżgħar miċ-ċans li għandha l-eks partner tiegħu. Raġel għandu jkollu 50% ċans li t-tfal imorru għandu, imma dan mhux isir, qas viċin”, qal ma’ StradaRjali.com.

Huwa interessanti li n-numru ta’ rġiel li jagħmlu xogħolijiet li jirrikjedu l-ħarsien tat-tfal, bħal childcarers u għalliema tal-kindergarten, huwa ferma aktar baxx minn numru ta’ nisa. Dan huwa punt ieħor li juri kemm verament għandha soċjetà li temmen li t-trobbija tal-ulied għandha tkun responsabbiltà tan-nisa.

Maria Desira

Maria Desira

https://www.stradarjali.com

Maria għandha 5 snin esperjenza fil-qasam tat-televiżjoni, il-ġurnaliżmu u l-komunikazzjoni. Il-ftit ħin liberu li għandha tqattgħu ssajjar jew tippjana s-safra li jmiss. Speċjalizzata fir-riċerka soċjoloġika u ppassjonata dwar diversi temi ta' ġustizzja soċjali.