Kuraġġ: Il-Pandemija Rridu Negħlbuha Flimkien – Is-Seg. Parl. Stefan Zrinzo Azzopardi

 Kuraġġ: Il-Pandemija Rridu Negħlbuha Flimkien – Is-Seg. Parl. Stefan Zrinzo Azzopardi

Kemm huwa f’waqtu il-messaġġ li qiegħed jgħaddilna l-President tar-Repubblika, Dr George Vella biex nieħdu ħsieb xulxin f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Qed nintalbu nagħmlu ftit sagrifiċċju ieħor biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni fl-iqsar żmien possibbli. U dan tassew irridu nagħmluh billi nwarrbu l-interessi tagħna u nieħdu ħsieb xulxin għaliex b’hekk inkunu qed nieħdu ħsieb ukoll tagħna nfusna.

M’huwa gost ta’ ħadd li jkun mifrud mill-aktar nies għeżież għalih, li ma jistax jilqa’ ġewwa daru aktar minn membri ta’ familja oħra u li ma nkunux fi gruppi ta’ aktar minn erba’ min-nies. Imma hekk ghandna bżonn nagħmlu biex negħlbu lil dan il-virus qerried li ħarbat il-ħajja ta’ kulħadd fid-dinja li qed ngħixu fiha.

Ħadd ma kien jobsor sena ilu li din l-imxija tal-Covid-19 se twassalna s’hawn. Sakemm ix-xjenza setgħet tistudja fil-fond dwar dan il-virus, ħadd ma kien għadu jaf sa fejn se twassal din il-kriżi medika li laqtgħet lid-dinja. U b’mod parallel mal-istudju dwar il-virus innifsu kienu għaddejjin ukoll l-istudji dwar il-vaċċini li l-kumpaniji farmaċewtiċi ewlenin fid-dinja kienu qed iħejju biex jiġġieldu din il-battalja kontra l-Covid-19.

Kien biss fl-aħħar ġranet ta’ Diċembru li bdejna naraw l-ewwel vaċċin jingħata lin-nies u dan imliena bit-tama li bil-mod nistgħu nersqu lejn it-tmiem ta’ din il-pandemija dinjija. Mhuwiex proċess mgħaġġel daqskemm nixtiequh imma għall-inqas nafu li f’pajjiżna, il-proċess tat-tilqim miexi b’ritmu qawwi ħafna u t-tama ta’ kulħadd hija li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni Maltija, qrib is-70%, tkun imlaqqma sa Settembru.

Għalhekk mhuwiex dan mument ta’ kontroversji politiċi fuq din is-sitwazzjoni tas-saħħa li ninsabu fiha. Għandna nserrħu rasna li l-Gvern qed jimplimenta miżuri skont kif ordnati biss mill-esperti mediċi u mhux il-mument li noqgħodu nagħmlu kapital politiku minn sitwazzjoni medika li qed tolqot id-dinja kollha.

Sakemm naslu għat-tragward li jkollna l-parti l-kbira tal-popolazzjoni tagħna mlaqqma fadlilna triq twila x’nimxu flimkien, fadlilna perjodu li fih irridu nibqgħu attenti ħafna għaliex il-varjanti tal-Covid-19 li għandna fostna nafu li qegħdin imarrdu ħafna aktar nies aktar minn qabel u ladarba jkollna aktar nies milquta, l-isptarijiet tagħna jkunu aktar iffullatti bil-periklu wkoll ta’ aktar nies li jitilfu ħajjithom

Ejjew mela nisimgħu l-appell tal-President tagħna u tassew nieħdu ħsieb xulxin. Nieħdu ħsieb lill-familjari tagħna, partikolarment dawk vulnerabbli fostna billi nobdu d-direttivi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa u nagħmlu is-sagrifiċċji li hemm bżonn. Meta nkunu qed nieħdu ħsieb xulxin b’dan il-mod, inkunu qed nieħdu ħsieb ukoll lill-front liners tagħna, it-tobba, l-infermiera, care workers, suldati u pulizija, u dawk in-nies kollha li qed jieħdu ħsiebna f’dan il-perjodu diffiċli. Inqas ma jimirdu nies, inqas tkun il-pressjoni fuq dawn ħutna li qegħdin fuq quddiem nett ta’ din il-battalja kontra l-virus tal-Covid-19.

Iż-żmien mhuwiex il-bogħod li ħajjitna tibda ġejja lura għan-normal. Għandna nimtlew bil-kuraġġ u t-tama li l-pandemija se negħlbuha flimkien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com