Ramiro: Altruwist U Ġenwin

 Ramiro: Altruwist U Ġenwin

Sal-lum għadni ma nistax nemmen. Ħal Qormi tilef wieħed minn uliedu. Kemm kien kburi li Qormi.

Jien u Ramiro konna nitkellmu kuljum ix-xogħol. Kuljum kien jgħaddi minn ħdejja u jieqaf jara kif jien. Jien u l-kollegi konna nkunu qed nistennewh jiġi u meta ma konniex narawh konna nistaqsu għalih. Kif kienu jgħiduli li kien jagħmel meta ma jaranix hemm. Kulħadd iħobbu u hu kien iħobb lil kulħadd.

Kemm kien ikollna diskussjonijiet dwar temi differenti. Daqqa nitkellmu fuq Ħal Qormi u kif sejrin bħala Kunsill Lokali, daqqa fuq il-futbol u ħallih jaqbeż għal Milan, daqqa fuq il-festa jew il-ġrajjiet kurrenti. Iżda l-iktar tema għal qalbu kienet kif se jgħin lin-nies, partikolarment lil min qiegħed ibati.

Kull min kien jaf lil Ramiro, jaf kemm qatt ma ħaseb fih innifsu imma kien xempju tal-altruwiżmu. Kien ġeneruż speċjalment bil-ħafna ħin li kien jagħti lil ħaddiehor. Forsi b’hekk klikkjajna flimkien, is-sens ta’ dover li ngħinu lill-proxxmu. Bniedem sempliċi imma b’qalb tad-deheb, ġenwin u fuq kollox a true fighter. Niftakru dejjem mimli ħeġġa jara kif se jgħin lin-nies, speċjalment lil dawk milquta mill-marda tal-kanċer. Kemm kien iħobbu lil Puttinu, ma kienx jieqaf isemmih.

Mhux l-ewwel darba li qasam l-ideat tiegħu miegħi u staqsieni għal parir dwar l-organizzazzjoni ta’ xi attività u jgħidli “ara darb’oħra nagħmel hekk u nkellem lil dak jew lill-ieħor”.

Fuq kollox memorji sbieħ ta’ kull darba li ltqajna għand il-barbier wara x-xogħol, dejjem kien inissel tbissima b’xi ċajta. Insellimlek Ramiro, mhux biss kollega, imma ħabib ġenwin. Strieħ fis-sliem. Sa ma nerġgħu niltaqgħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com