Somma Rekord F’Assistenza minn SportMalta lill-Special Olympics Malta

 Somma Rekord F’Assistenza minn SportMalta lill-Special Olympics Malta

F’konferenza fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela ppresedew fuq l-iffirmar ta’ ftehim ġdid bejn SportMalta u Special Olympics Malta li se jwassal biex SportMalta tgħaddi €420,000 lil Special Olympics Malta fuq perjodu ta’ tliet snin.

Dan il-ftehim se jkun qed jgħin lil atleti ta’ Special Olympics Malta sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipparteċipaw fil-Logħob Internazzjonali tal-Olimpjadi Speċjali u anke f’training camps barra minn xtutna. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn il-fondi, Special Olympics Malta se tkun qed tinvesti f’kits u apparat li jkollha bżonn minn żmien għal żmien.

Fil-bidu tal-intervent tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ferħet u awgurat lil Dr Lydia Abela li għadha kemm inħatret bħala President ta’ Special Olympics Malta.

“Permezz ta’ dan il-ftehim bejn din is-sena u s-sena 2023 Special Olympics Malta se jkunu qegħdin jingħataw €420,000, somma li turi żieda sostanzjali fuq dak li kienu jingħataw s’issa, €100,000 kull sena. Sinifikanti ħafna huwa l-fatt li pajjiżna, wieħed mill-iżgħar fid-dinja, is-sena d-dieħla se jkun qiegħed jospita avveniment sportiv mondali għal persuni b’diżabbiltà, il-World Special Olympics. Sinifikattiv għax juri li pajjiżna qiegħed ikun rikonoxxut u apprezzat għall-mod li bih jaħdem u jagħmel dak kollu possibbli biex il-persuni b’diżabbiltà jħossuhom integrati fis-soċjetà, inkluż fl-isports. Se nkunu qegħdin nuru li avveniment sportiv ta’ din il-kwalità bil-protagonisti tiegħu jkunu persuni b’diżabbiltà huwa prova ta’ għaqda, imħabba u inklużjoni. Il-persuni b’diżabbiltà se juru li huma wkoll għandhom rwol importanti x’jagħmlu biex tirrenja l-għaqda u l-imħabba fost il-ġnus, rwol li jirrifletti l-prinċipju ta’ inklużjoni fis-soċjetà li tant nemmnu fih,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima filwaqt li faħħar lil Special Olympics Malta għax-xogħol siewi li jsir matul is-sena kollha, saħaq li din il-ħidma ma’ Special Olympics Malta se tħalli l-frott tagħha meta fl-2022 Malta se tkun qed tospita avveniment internazzjonali ta’ Special Olympics. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li d-direzzjoni tal-Gvern hija li jkun sieħeb strateġiku tal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex ikun jista’ jsir ippjanar kif suppost u permezz ta’ hekk tiġi assigurata stabilità u ħidma li twassal għall-bidla u kambjament pożittiv.

Il-President ta’ Special Olympics Dr Lydia Abela qalet li hi kburija li flimkien mad-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics irnexxielu jiġi nnegozjat ma’ SportMalta l-akbar pakkett finanzjarju għat-tliet snin li ġejjin u l-iktar darba li Special Olympics se tkun qiegħda tieħu fondi. Il-ftehim se jgħin lil Special Olympics fl-operat tagħhom kuljum u sabiex ikomplu jinvestu fl-atleti tagħhom u jgħinhom fl-izvilupp tagħhom u joffru support lill-ġenituri.

Dr Lydia Abela qalet li dan huwa zmien eċċitanti għal Special Olympics u għal pajjiz kollu hekk kif is-sena li ġejja għall-ewwel darba f’20 sena pajjiżna se jospita l-logħob internazzjonali ta’ Special Olympics. Qalet li tinsab ċerta li bħala pajjiż se ningħaqdu wara l-atleti tagħna li se jkomplu jagħmlu unur lil Malta u fuq kollox jagħmluna kburin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li hija l-missjoni ta’ SportMalta li tgħin sabiex ikun hawn soċjetà inklussiva u għalhekk dan il-kuntratt għandu importanza kbira.  Kuntratt li se jgħin lil Special Olympics Malta tkun tista’ tasal b’mod iktar faċli għall-objettivi tagħha, objettivi li mhux biss huma sportivi iżda wkoll sabiex joħroġ l-potenzjal ta’ kull atleta ta’ Special Olympics u li jagħti sapport mhux biss lill-atleti iżda anke lill-familja tagħhom.  SportMalta hija kommessa li barra l-għajnuna finanzjarja, tgħin ukoll billi tingaġġa numru ta’ kowċis speċjalizzati biex jgħinu lit-tfal f’kull aspett.

 

Ritratt: DOI / Jason Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com