Aktar Minn Nofs Miljun Ewro Għal Tliet Kunsilli Lokali F’Għawdex.

 Aktar Minn Nofs Miljun Ewro Għal Tliet Kunsilli Lokali F’Għawdex.

Il-gvern ikkommetta aktar minn nofs miljun ewro permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għal tliet kunsilli lokali f’Għawdex biex iwettqu proġetti ta’ titjib urban fil-lokalitajiet tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt żjara f’wieħed minn dawn is-siti. Il-proġetti jinkludu l-konverżjoni tad-dawl tat-toroq fi Pjazza San Ġorġ u għadd ta’ sqaqien dojoq fir-Rabat b’sistema ġdida ta’ dawl b’enerġija effiċjenti, it-titjib ta’ tagħmir, pavimentar, u dawl ta’ playing field fiż-Żebbuġ u lampi ġodda li huma b’enerġija effiċjenti fil-Belveder Ta’ Qaċċa fix-Xagħra.

Id-disinn tal-fanali kemm tar-Rabat u kif ukoll tax-Xagħra se jkun konformi mal-karattru tal-lokalitajiet rispettivi.

Fiż-Żebbuġ, ix-xogħlijiet se jinkludu wkoll ġnien vertikali fil-playing field.

Il-Ministru Farrugia spjega li dan il-finanzjament sar permezz tat-tibdil li sar fid-Development Planning Fund (DPF), fejn l-iskop tiegħu twessa’ s-sena li għaddiet biex jinkludi infrastruttura ħadra u blu. Huwa spjega li proġetti li jinkorporaw ġonna vertikali li jħarsu fuq spazji pubbliċi, bħal ġnien pubbliku b’ħitan fuq kull naħa, jirċievu finanzjament bonus ta’ 5% u jiġu rinunzjati l-ħlasijiet f’każ ta’ applikazzjoni tal-iżvilupp.

“L-għan tagħna huwa li nappoġġjaw proġetti li jtejbu l-ambjent urban tagħna u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, flimkien ma’ dawk il-proġetti li huma konformi mal-viżjoni tagħna għal ippjanar intelliġenti u infrastruttura urbana aktar ekoloġika. Dan il-fond, li ġie riformat is-sena l-oħra, jipprovdi lill-kunsilli lokali u l-NGOs bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li huma immirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-bliet u l-irħula tagħna,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li tliet kunsilli lokali; tar-Rabat, taż-Żebbuġ u tax-Xagħra, qegħdin jibbenefikaw minn €500,000 sabiex itejbu l-ambjent urban tar-raħal jew belt tagħhom. Stqarr li dan huwa pass sabiex verament ninvestu fl-ambjent urban.

Matul is-sentejn li għaddew, l-Awtorità tat €161,000 oħra lill-lokalitajiet tas-Sannat u n-Nadur. Dawn il-fondi għenu finanzjarjament fl-implimentazzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ proġetti li llum qed jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com