Atleti Maltin Jirbħu Sitt Midalji Tad-Deheb f’Meeting Internazzjonali tal-Atletika fi Sqallija

 Atleti Maltin Jirbħu Sitt Midalji Tad-Deheb f’Meeting Internazzjonali tal-Atletika fi Sqallija

L-atleti Maltin serqu x-xena fit-Tielet Edizzjoni tal-EAP Meeting Internazzjonali tal-Atletika fi Sqallija li sar fi tmiem il-ġimgħa f’Katanja, fejn rebħu xejn inqas minn 14-il midalja, sitta minnhom tad-deheb.

It-28 atleta Malti, l-akbar kontiġent barrani preżenti, u li ġejjin minn 10 klabbs lokali, mhux biss kisbu riżultati tajbin minkejja kompetizzjoni b’saħħitha minn atleti Taljani u internazzjonali, iżda wkoll iddominaw b’mod partikolari fid-distanzi medji u twal kif ukoll fil-qbiż.

Barra r-rebħ ta’ midalji, l-atleti Maltin kisru erba’ rekords tal-kompetizzjoni, tlieta fil-kategorija tal-kbar u rekord EAP f’dik ta’ taħt it-18-il sena. Kienet esperjenza li ċertament Jeremy Zammit (Pembroke Athleta) se jibqa’ jiftakar, meta b’qabża ta’ 7.14m huwa mhux biss rebaħ midalja tad-deheb u kiseb rekord Malti ta’ taħt it-18-il sena, iżda saħanistra sab post fost l-aqwa għaxar qabżiet fid-dinja għall-età tiegħu.

Il-midalji tad-deheb l-oħra ntrebħu minn:

  • Martha Spiteri 400 metru nisa (1’00″48)
  • Monalisa Camilleri 1,500 metru nisa (4’42″43)
  • Graham Pellegrini (400 metru rġiel) (49″99)
  • Christian Chetcuti (800 metru rġiel)(1’56″42)
  • Rachela Pace (Long jump nisa) 5.75m

Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech, li akkumpanja lit-tim Malti fi Sqallija qal: “Għal darb’oħra l-atleti lokali għamluna verament kburin. Ir-riżultati miksuba f’Katanja kienu aktar impressjonanti b’konsiderazzjoni li kuntrarju għall-atleti li kienu ġejjin minn pajjiżi oħra, li setgħu jitħarrġu b’mod normali fl-aħħar ġimgħat, l-atleti tagħna sabu ruħhom bi grawnds u faċilitajiet ta’ taħriġ magħluqin, u spiċċaw jitħarrġu ħafna drabi waħidhom. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw il-potenzjal tal-isport Malti u jibgħatu messaġġ li wasal iż-żmien li nagħmlu l-isport verament priorità f’pajjiżna”.

Intant, il-klabb lokali ta’ Pembroke Athleta ħabbar li se jkun qed jorganizza avveniment internazzjonali EAP f’Malta fis-17 ta’ Lulju fl-IStadium Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa. Dan l-avveniment mistenni jattira numru kbir ta’ atleti barranin lejn xtutna permezz tal-ftehimiet differenti li Athletics Malta laħqet tul is-sena.

 

Ritratt: CUS Catania

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com