“Bjorn Għalissa T-Tazza Żommha.. Nistennew L-Awtoritajiet Jiftħu Ħa Niċċelebraw Kif Jixraq”.. Il-President ta’ Ħamrun S.

 “Bjorn Għalissa T-Tazza Żommha.. Nistennew L-Awtoritajiet Jiftħu Ħa Niċċelebraw Kif Jixraq”.. Il-President ta’ Ħamrun S.

Il-President ta’ Ħamrun Spartans Joseph Portelli jiġbed ċertu simpatija bil-kariżma tiegħu, f’dal-pajjiż iva jista’ jkollok il-flus u tibqa umli.

B’nofs ċajta appella lill-President tal-MFA Bjorn Vassallo biex għalissa jżomm it-tazza għandu, nistennew lill-awtoritajiet jiftħu għal massa tan-nies biex il-poplu Ħamruniż ikun jista’ jiċċelebra kif jixraq.

“Bjorn, stenna ftit, ittinix it-tazza għalissa”, il-karba ta’ Portelli b’nofs tbissima.

F’intervista ma’ Chris Falzon fuq TVAM il-ġimgħa filgħodu, l-President taċ-Champions il-ġodda tal-Futbol Malti beda biex jgħid li l-għan ta’ dan l-istaġun kien li jieħu t-Trophy u jtejjeb il-posizzjoni tat-tim fil-klassifika, possibilment jisfida għall-Ewropa.

“Sfortunatament il-klabb kien dara fi żminijiet ħżiena, l-flus important iżda mhumiex kollox, nemmen f’amministrazzjoni tajba, serja u li għandha viżjoni, irranġajt l-iżbalji li saru qabel, fadal ħafna x’nirranġaw, in-nursery hija waħda minnhom u nwiegħed li se nkunu qed naħdmu fuqha dan is-sajf”.

Kellu kliem t’apprezzament għall-President ta’ qablu Nunzio Antignani, “Il-President ta’ qabli għamel żbalji imma ħareġ il-flus ukoll, ma’ kinitx priorita għalija li nilħaq President mill-ewwel, emmint li l-affarijiet jiġru waħedhom, meta Nunzio ħass li ż-żmien tiegħu għamlu, dħalt President f’Marzu li għadda, propju qabel l-aħħar logħba tal-Kampjonat li rriżultat deċisiva kontra Hibernians”. Deċisiva u kif!!!… kieku Hibernians rebħu dak il-konfront fis-sitta ta’ Marzu li għadda u ġara li ġara bil-Kampjonat kienu jkunu huma (Hibernians) Champions wara staġun sħiħ għall-iSpartans fl-ewwel post.

Joseph Portelli qal li dan is-suċċess jattribwiħ għal diversi fatturi, l-għaqda fuq kollox fil-kamp Ħamruniż, naturallment l-investiment fi players ta’ kwalita kien importanti ħafna.

Żied jgħid, “Bdejna bl-akkwist ta’ tliet players żgħażagħ interessanti, Juan Corbalan, Joseph Mbong u Matthew Guillaumier, dawn huma l-players, magħhom inżid lid-Dunda (Karl Micallef), li madwarhom irridu nibnu, apparti barranin ta’ livell għoli”.

Joseph Mbong

“Hemm ħafna timijiet barranin interessati fih, jien ma’ ridx flus għal Mbong, nixtiequ biss jibqa miegħi, izda qatt mhu se ntelliflu opportunita barra l-pajjiż, jekk jiġiħ iċ-ċans li jmur ma’ tim akbar, ikun il-mument li Joseph jitlaq, iżda kif ġa għidt, nixtiequ li jibqa miegħi”.

Dan fid-dawl ta’ nteress irrapurtat fl-aħħar jiem fil-winger internazzjonali Malti ex Hibernians minn diversi klabbs Ewropej fosthom Sion tal-Iżvizzera.

Dwar il-fatt li l-Kampjonat intemm b’mod prematur, Portelli qal li t-tim kien ħames punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika u xtaq li jitkompla u jilgħab sal-aħħar, ammetta li l-fatt li ma’ rebaħx wara xi logħba taħraq kien xi ftit ta’ anticlimax.

Xewqa kbira li javvanza fl-Ewropa, “My aim li jkollna tim li jikkompeti f’livelli għolja fl-Ewropa, daqs kemm jien kuntent li wasal il-Kampjonat, sodisfatt ukoll li f’dawn ix-xhur li ilni ma’ Ħamrun Spartans irnexxieli ndaħħal mentalita rebbieħa fil-klabb u li b’aktar ħidma u aktar investiment nistgħu naslu.

Kompla jgħid dwar il-mixja Ewropeja tal-iSpartans, “I always want to beat history, naf fejn waslu klabbs Maltin oħrajn qabilna, jekk nagħmlu dik il-biċċa aktar, għalissa nkun kuntent”.

Mira ċara b’hekk u għajnejn Portelli fil-Preliminari (ir-Rawnd ta’ qabel il-Fażi tal-gruppi), għaliex klabbs oħra Maltin sas-sajf li għadda Floriana waslu sar-Rawnd ta’ qabel, jiġfieri t-Tielet Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League, li jiġi r-rawnd ta’ qabel il-Preliminari u żewġ rawnds qabel il-gruppi, li jibqgħu f’moħħu bħala mira aħħarija u waħda long-term fil-viżjoni li għandu għal dan il-klabb.

Iżda qabel jibda l-vjaġġ Ewropew għal Ħamrun Spartans għad baqa naqa’ ntoppi x’jingħelbu bl-imbierka liċenzja.

“Ilna nippreparaw għal dak li jista’ jinqala’, nassigura lill-Ħamruniżi kollha li l-liċenzja se noħduwha żgur, fil-verita l-MFA m’għandhiex x’taqsam, trid tkun il-UEFA li toħorġilna l-liċenzja li tagħtina d-dritt li nikkompetu fl-Ewropa, qabbadt l-aqwa avukati, jinsabu preparati, l-liċenzja se noħduwha, iżda ovjament ikollok dak il-persentaġġ żgħir biża li din l-imbierka liċenzja ma’ tasalx.

Training Camp das-sajf

Il-President ta’ Ħamrun Spartans kważi kkonferma r-rapporti tal-aħħar jiem li fil-ġimgħat li ġejjin, possibilment f’Ġunju t-tim se jmur għal training camp fl-Awstrija.

“Sibna premises (faċilitajiet) li jiffitjaw għal budgets tagħna u iva għalkemm għadha teżisti l-possibilta ta’ pajjiż ieħor, it-training camp barra l-pajjiż se jsir żgur, fil-jiem li ġejjjin suppost nagħlqu għal dan it-training camp fl-Awstrija li jippreparana bl-aħjar mod għall-avventura tagħna fl-Ewropa.

Dwar il-players barranin, Joseph Portelli qal li hu personalment favur suq miftuħ, madankollu ammetta li jidher li l-ammont ta’ barranin fil-Kampjonat Premier għalissa ma’ jidhirx li ser jiżdied, allura tenna l-possibilta kbira li mal-players Maltin ta’ kwalita li diġa akkwista s-sajf li għadda, jżid aktar elementi mis-suq Malti fil-kampanja akkwisti li tibda dalwaqt, bl-ingaġġ ta’ players lokali ta’ kwalita u li jiffurmaw parti mit-Tim Nazzjonali Malti.

“Seydou Doumbia kien akkwist kbir, issa telaq lura, l-objettiv tiegħi huwa li mis-suq barrani nġib players ta’ livell iżda żgħar fl-eta, biex intejjeb il-livell tat-tim u anke jgħin liż-żgħażagħ li għandha telgħin mal-klabb, trid iġġib players li huma ta’ kwalita u li għadhom fl-aqwa tagħhom mhux fl-aħħar tal-karriera”.

Għalaq billi għamel referenza għal Ħamrun Spartans Football School of Excellence, semma lill-amministratur Marcel Bonnici li jaħdem ħafna fl-operat tal-klabb u li fost l-oħrajn qed imexxi ‘l quddiem dan il-proġett.

“Il-mira tiegħi hija li nara t-tfal tal-Ħamrun itejbu l-livelli tagħhom, mhux qed nara qliegħ minn dan il-proġett iżda lanqas telf, if we break even, ma’ jkunx hemm telf finanzjarju nkun kuntent.

“Dan huwa proġett li se jara l-ingaġġ ta’ kowċis ġodda ta’ livell għoli ħafna, waqt li hemm il-ħsieb ukoll ta’ ġemellaġġ ma’ klabb barrani biex players zgħażagħ b’potenzjal u li jkunu qed isibuha diffiċli li jidħlu fit-tim nibgħatuhom għal perjodu ma’ dan il-klabb barrani, jimmaturaw u fuq kollox jiksbu aktar esperjenza u jgħollu l-istandards tagħhom fil-logħba, f’ambjent u f’livelli professjonali, biex meta jiġu lura jkunu rġiel u fuq kollox players tal-futbol aħjar”.

Għalaq b’kumment onest, “Jien ma’ nwiegħed xejn, iżda se nkun qed nagħmel min kollox u niġġieled jekk hemm bżonn biex il-klabb ta’ Ħamrun Spartans dejjem ikun hemm fuq u jisfida għall-aqwa unuri.

Joseph Portelli, bniedem ambizzjuż, li mhux biss irid l-unuri, iżda fi kliemu stess l-investiment f’Ħamrun Spartans żgur li se jkun qed jirriżulta f’benefiċċju u qabża ‘l fuq li l-Futbol f’Malta tant għandu bżonn, nawguraw li jitħalla jaħdem, fuq kollox nawguraw li l-viżjoni tiegħu tkun ta’ ispirazzjoni biex aktar nies jidħlu fil-logħba Maltija, issa ukoll bil-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni u b’determinazzjoni u diliġenza u mhux gambetti wieħed lill-ieħor f’sinerġija u viżjoni ċara, naslu għall-objettiv li verament naraw il-logħba tal-futbol f’dan il-pajjiż tagħmel il-qabża ta’ kwalita li tul is-snin kulħadd paċpaċ u qered dwarha, iżda ftit kienu dawk pro-attivi li għamlu xi ħaġa biex jirranġawha u jtejbuha.

Prosit u Awguri Sur Portelli !!!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com