Dikjarazzjoni Fuq Il-Vaċċin Tal-Covid-19 Tal-AstraZeneca

 Dikjarazzjoni Fuq Il-Vaċċin Tal-Covid-19 Tal-AstraZeneca

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-EMA, ikkonfermat il-pożizzjoni tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, li l-benefiċċji tal-vaċċin huma akbar mir-riskju ta’ effetti sekondarji. L-Awtorità Regolatorja tas-Saħħa u r-Regolazzjoni tal-Mediċini tar-Renju Unit, l-MHRA, ikkonfermat li l-benefiċċji tat-tilqim ikomplu jegħlbu kwalunkwe riskju.

L-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini tinkoraġġixxi persuni mlaqqma u l-professjonisti fil-qasam, biex ikunu konxji tal-effetti sekondarji, fuq kwalunkwe vaċċin, speċjalment meta dawn jitolbu azzjoni immedjata. Effetti sekondarji għandhom jiġu rrappurtati bl-użu tal-Formola tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini u jibagħtuha lill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, Sir Temi Zammit Buildings, Malta Life Sciences Park, San Ġwann SĠN 3000 jew onlajn fuq http://www.medicinesauthority.gov.mt/adrportal jew lid-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq tal-vaċċin kkonċernat jew lir-rappreżentant lokali tagħhom.

Effetti sekondarji ħfief u ta’ natura lokali huma mistennija u komuni li jseħħu fi żmien jumejn jew tlett ijiem wara t-tilqima. Madanakollu, individwi li jesperjenzaw xi sintomi severi, għalkemm rari, minn erbgħa sa għoxrin jum wara t-tilqima – bħal qtugħ ta’ nifs, uġigħ fis-sider, nefħa fir-riġlejn, uġigħ addominali persistenti, sintomi newroloġiċi bħal uġigħ ta’ ras sever jew persistenti jew vista mċajpra, tikek żgħar tad-demm taħt il-ġilda lil hinn mis-sit ta’ injezzjoni – għandhom ifittxu attenzjoni medika. Iżda, tennew li huwa normali li f’kampanji estensivi ta’ tilqim li pajjiżi jidentifikaw effetti sekondarji wara t-tilqima.

L-Awtorità Maltija tenniet li qed tissorvelja l-programm tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u li se tkompli taħdem ma’ awtoritajiet kompetenti oħra u ma’ tim tal-vaċċinazzjoni tas-saħħa biex tevalwa l-possibbiltà ta’ riskji fl-isfond tal-esperjenza u tax-xjenza. Madanollu, tħeġġeġ lill-poplu Malti biex  jitlaqqam mill-vaċċini effettivi kollha li għandhom Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq tal-Unjoni Ewropea sabiex jigi evitat il-mard serju tal-COVID-19 u t-telf ta’ ħajjiet.

Ritratt: DW

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com