Ftehim Għal Għajnuna Lill-Malta Parkinson’s Disease Association

 Ftehim Għal Għajnuna Lill-Malta Parkinson’s Disease Association
Ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Malta Parkinson’s Disease Association (MPDA) se jkun ta’ għajnuna biex 20 fiżjoterapista li jaħdmu ma’ persuni milqutin mill-marda tal-Parkinson’s ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom fid-dijanjosi, fit-trattament u fl-immaniġġjar ta’ din il-marda. Huwa kkalkulat li f’Malta u f’Għawdex hawn madwar 1,500 persuna milqutin minn din il-marda. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-fiżjoterapisti se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’kors virtwali li se jkun qed jingħata minn trainer barrani li jispeċjalizza fil-marda tal-Parkinson’s.
Il-marda tal-Parkinson’s taffettwa s-sistema tan-nervituri fil-ġisem tal-bniedem u sa issa m’hawnx kura għaliha. Din il-kundizzjoni hija kumbattuta b’medikazzjoni, b’terapiji u b’forom oħrajn ta’ benesseri.
Nhar il-Ħadd 11 ta’ April huwa l-Jum Internazzjonali tal-Marda tal-Parkinson’s. L-iskop wara dan il-jum huwa li jkun hemm aktar għarfien dwar il-marda. Huwa kkalkulat li madwar id-dinja hawn madwar 10 miljuni milqutin minn din il-marda.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li, “Meta wieħed jgħid li f’pajjiżna hawn madwar 1,500 persuna milqutin mill-marda tal-Parkinson’s irid jikkunsidra li dan ifisser li hawn 1,500 familja li jħossu l-piż ta’ din is-sitwazzjoni. Persuna milquta minn din il-marda trid attenzjoni pjuttost kontinwa u għalhekk jiżdied il-piż fuq ħajjet dawk li jgħixu mal-persuna milquta mill-marda. Il-fiżjoterapista għandu rwol importanti ma’ dawn il-persuni u għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon għalina li se nkunu qegħdin nikkontribwixxu biex il-fiżjoterapisti tagħna jkomplu jkunu ta’ aktar għajnuna permezz ta’ dak li jibbenefikaw mill-kors li se jkunu qegħdin jipparteċipaw fih”.
Il-ministru qalet li okkażjoni bħal din għandha sservi wkoll biex ikun rikonoxxut is-sehem kbir li organizzazzjonijiet volontarji bħall-Malta Parkinson’s Disease Association jagħtu lis-soċjetà f’oqsma partikolari, f’dan il-każ lill-persuni milqutin mill-marda tal-Parkinson’s u lill-familji tagħhom.
Alice Peplow, Segretarja tal-MPDA, qalet li fost l-għanijiet ewlenin tal-MPDA hemm li jkun assigurat li persuni milqutin minn din il-kundizzjoni jkollhom aċċess għat-trattament adekwat fil-ħin adekwat biex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod possibbli.
“L-għan tal-proġett li għalih sibna l-għajnuna siewja tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja huwa biex grupp ta’ 20 fiżjoterapista jsaħħu u jtejbu l-għarfien tagħhom fid-dijanjosi, fit-trattament u fl-immaniġġjar ta’ persuni milqutin minn din il-marda u b’hekk ikomplu jkunu ta’ aktar għajnuna lil dawk milqutin mill-marda,” qalet is-segretarja tal-MPDA.​​
Ritratt: DOI / Clifton Fenech
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com