Jitħabbar Il-Valletta Green Festival 2021 – Ġnien Ġdid Fuq Il-Bejt Tal-Valletta Design Cluster

 Jitħabbar Il-Valletta Green Festival 2021 – Ġnien Ġdid Fuq Il-Bejt Tal-Valletta Design Cluster

Il-Valletta Green Festival – l-avveniment annwali sinonimu mal-kalendarju kulturali Malti; din is-sena ser jittella’ bejn il-Ġimgħa 7 u t-Tlieta 11 ta’ Mejju. Din ser tkun l-akbar edizzjoni minn mindu beda jittella’ l-festival.

Il-festival din is-sena se jkun qed isir madwar il-Belt, minn Bieb il-Belt sa Pjazza San Ġorġ, fejn se jkunu qed isiru l-attivitajiet ewlenin.

L-infjorata ta’ din is-sena ġiet iddisinjata mill-artist lokali Zack Ritchie u turi fekruna kkulurita ispirata mit-tema tal-European Green Week ta’ din is-sena,‘ Zero Pollution’.

Id-dettalji tħabbru llum waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ġnien ta’ fuq il-bejt tal-Valletta Design Cluster li nfetaħ uffiċjalment illum.

Dan il-ġnien huwa parti ewlenija tal-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta wettqet fiż-żona tal-Baviera. Dan l-intervent jintroduċi pulmun aħdar ġdid f’din il-parti tal-Belt filwaqt li jipprovdi spazju pubbliku ġdid, aċċessibbli liberament għar-residenti u l-viżitaturi kollha. Il-ġnien jieħu vantaġġ min-natura baxxa tal-bini tal-Biċċerija l-Qadima li fuqu jinsab u jwettaq proċess twil ta’ trasformazzjoni urbana ċċentrat madwar il-ħtiġijiet tar-residenti u l-utenti futuri tal-Valletta Design Cluster.

Id-disinn tal-ġnien innifsu oriġina minn relazzjoni ta’ ħafna snin li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, u qabilha l-Fondazzjoni Valletta 2018, kellhom mal-perit ibbażat fil-Ġappun Tetsuo Kondo, li fl-2018 kien ippremjat bħala l-Perit Żagħżugħ Ġappuniż tas-sena mill-Istitut Ġappuniż tal-Periti. Il-kunċett tal-Perit Kondo huwa ċċentrat madwar l-idea ta’ santwarju aħdar jew oasi, li jipprovdi spazju għat-tiġdid kemm għan-natura kif ukoll għan-nies, f’kuntest urbanizzat ħafna iżda storikament rikk. Fil-fatt, id-disinn tal-ġnien fih arbuxxelli żgħar u siġar l-aktar ta’ oriġini lokali jew Mediterranja, vaska naturali żgħira, żoni żgħar fejn wieħed jista jpoġġi bilqiegħda, u numru ta’ spazji multi-funzjonali li jistgħu jintużaw mill-istudenti għal workshops u sessjonijiet oħra ta’ gruppi. Waħda miż-żoni tal-ġnien tinkludi Padiljun żgħir tal-ħġieġ li jista’ jinfetaħ u li jippermetti li l-ispazju jintuża għal laqgħat. Dawn id-disinji twettqu minn Doric Studio.

Il-ġnien ta’ fuq il-bejt huwa kompletament aċċessibbli permezz ta’ lift li jgħaqqad l-ispazju mal-pjan terran u l-bitħa ċentrali tal-Valletta Design Cluster u huwa miftuħ għall-pubbliku kuljum mit-8am sas-6pm.

Sadanittant, dawk kollha li ser ikunu qed jidħlu l-Belt fil-ġranet li ġejjin ser jintlaqgħu minn ġnien temporanju ispirat mill-ġonna formali tal-passat fi Pjazza Ħelsien, quddiem il-Parlament, mit-3 ta’ Mejju. Fuq disin ta’ the Garland Company, din l-installazzjoni ta’ Bieb il-Belt għandha tqassim klassiku li jgħaqqad b’mod sabiħ mal-arkitettura eleganti tal-Belt Valletta u jservi bħala stedina biex wieħed jirrifletti fuq l-importanza tat-tħaddir urban. Dan il-ġnien gie mibni bl-użu ta’ injam użat, xhieda li l-materjali abbandunati jistgħu wkoll jiġu riċiklati u jingħataw ħajja u skop ġdid.

Siġar indiġeni fosthom tal-Prinjol, Riħan u Rand se jżejnu Pjazza De Valette. Se jkun hemm ukoll siġar taċ-Ċipress tul Triq ir-Repubblika, Pjazza Repubblika u Pjazza San Ġorġ u siġar tal-lumi u l-larinġ fi Pjazza l-Assedju l-Kbir.

Il-festival qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se tkun qed tirriproduċi doqqajs (kaxxa tan-naħal) magħmula bi struttura b’injam tal-baħar fi Pjazza San Ġorġ. L-għan tal-installazzjoni huwa li tenfasizza l-importanza tal-pollinazzjoni għall-bijodiversità u kif it-tniġġis jaffettwa dan il-proċess.

Il-punti ta’ informazzjoni tal-‘Water be the Change’ u l-PARKS fi Pjazza San Ġorġ, se jipprovdu lill-viżitaturi b’informazzjoni waqt li ser ikunu jistgħu jiġu mwieġba l-mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u modi kif jitnaqqas il-konsum tal-ilma u t-tniġġis. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun preżenti wkoll fi Pjazza San Ġorġ bi trakk tal-ilma li jagħmel disponibbli ilma tax-xorb b’xejn.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kite Festival, kollaborazzjoni bejn l-Fondazzjoni Maltija għall-Benessri tas-Soċjetà, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, se ssir fit-8 ta’ Mejju fl-10 ta’ filgħodu, permezz ta’ ZOOM. L-avveniment ta’ din is-sena se jsir fil-forma ta’ workshop onlajn, bin-nies, b’mod partikolari t-tfal, jiġu mistiedna biex jipparteċipaw billi l-Kite Master is-Sur Guo Hongli jaqsam il-pariri u t-tekniki dwar kif tibni t-tajra perfetta. L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, bħala rappreżentanta tal-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà, se tagħmel diskors tal-okkażjoni. Il-parteċipanti huma mistiedna jippreparaw il-materjali meħtieġa minn qabel (li jistgħu jinstabu fuq il-paġna tal-avveniment fuq Facebook) biex ikunu jistgħu jsegwu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com