L-Akbar Pakkett Ta’ Għotjiet Finanzjarji Tat-Trasport

 L-Akbar Pakkett Ta’ Għotjiet Finanzjarji Tat-Trasport

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar l-akbar pakkett ta’ għotjiet finanzjarji tat-trasport li qatt ingħata minn Transport Malta.

Huwa spjega kif għal sena oħra qed jingħataw aktar inċentivi finanzjarji għall-Maltin sabiex jagħmlu użu minn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti.

 

L-ewwel għotja hija maqsuma fi tnejn. L-ewwel skema tinċentiva lill-pubbliku biex ibiddel il-magni tal-vetturi tiegħu għal dawk li jaħdmu bl-autogas, u ta’ dan jirċievu €400 għal kull vettura. It-tieni skema tinċentiva l-użu ta’ dual fuel systems fuq vetturi heavy duty li jaħdmu b’magna diesel b’għotja ta’ €800 meta s-sistema tirriżulta fi tnaqqis ta’ 25% fl-emmissjonijiet.

It-tieni għotja hija skema li tinċentiva x-xiri ta’ vetturi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent. Din l-għotja tammonta sa massimu ta’ €1,500 meta tinxtara vettura M1 ġdida u għotja ta’ €2,000 meta tinxtara vettura M1 ġdida hybrid. Dan filwaqt li titħassar ir-reġistrazzjoni ta’ vettura qadima fil-kategorija M1 jew N1.

It-tielet għotja hija skema li tinċentiva l-iskrappjar ta’ vettura antika u x-xiri ta’ vettura li taħdem bl-elettriku jew inkella plug-in hybrid. L-għotjiet għal persuni privati jvarjaw bejn €1,000 u €9,000, u dan jiddependi fuq jekk tiġix skrappjata vettura oħra, skont kemm tkun ilha mmanifatturata l-vettura elettrika jew hybrid u kemm ikollha kilometri din tal-aħħar. L-istess kriterji huma applikabbli fil-każ ta’ kunsilli lokali, NGOs, negozji reġistrati u kumpaniji privati reġistrati, bid-differenza li l-għotjiet ivarjaw bejn €1,000 u €12,000.

Ir-raba’ għotja hija skema ta’ xiri ta’ pedelecs u vetturi fil-Kategorji L. Din l-għotja wkoll tinqasam fi tnejn, u jiddependi fuq jekk isirx xiri biss, jew inkella jsirx ukoll tneħħija ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura mill-Kategoriji L, M1 jew N1.

Il-ħames u l-aħħar forma ta’ għotja hija marbuta max-xiri ta’ vetturi li huma aċċessibbli għal persuni b’diżabiltà permezz ta’ wheelchair. Għal din l-iskema, persuna tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €10,000 meta tilliċenzja vettura ġdida fil-kategorija M1, M2 jew M3.

Ritratt fl-artiklu: Darren Agius / DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com