Mira Ġdida Li Dawk ‘Il Fuq Minn 16-Il Sena Jkunu Mlaqqma Sa Santa Marija

 Mira Ġdida Li Dawk ‘Il Fuq Minn 16-Il Sena Jkunu Mlaqqma Sa Santa Marija

Il-Gvern ħabbar mira ġdida li sa Santa Marija, dawk kollha li għandhom iktar minn 16 ‘il sena, ikunu rċivew minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu. Matulha, huwa ta aġġornament tal-miri ġodda, hekk kif sa tmiem dil-ġimgħa, se jkunu ingħataw 240,000 doża.

Huwa rrimarka li dawn il-miri huma dipendenti fuq diversi fatturi, fosthom li l-provvista tal-vaċċin tibda skont il-pjan stabbiliet mal-fornituri u kif approvat mill-Awtorità Ewropea tal-Mediċini u li l-poplu Malti jkompli jaċċetta l-istedina għat-tilqima.

Miri ġodda oħra huma li n-nies vulnerabbli u dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena jkunu mlaqqma sal-aħħar t’ April flok sal-aħħar ta’ Mejju, filwaqt li tkun ingħatat l-ewwel doża sat-tielet ġimgħa ta’ Mejju lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 50 sena.

Barra minn hekk, qed ikun maħsub li sat-tielet ġimgħa ta’ Ġunju, dawk li għandhom ‘il fuq minn 40 sena jkunu rċivew l-ewwel doża sat-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.

B’dawn il-miri ġodda, Fearne irrimarka li Malta kapaċi tkun fost l-ewwel pajjiżi li tilħaq herd immunity filwaqt li tkun offriet minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin lil kulħadd sa Settembru.

Qal ukoll li daħlet fis-seħħ sistema ġdida sabiex dawk li għandhom iktar minn 50 sena jirreġistraw l-interess tagħhom biex jieħdu t-tilqima tal-COVID-19. Dan jista’ jsir permezz ta’ sms jew inkella online.

Meta wieħed jagħżel is-sistema tal-sms, dan jista’ jsir billi jibgħat in-numru tal-ID card tiegħu fuq 99180044 jekk jixtieq li jitlaqqam f’Għawdex u fuq 99180045 jekk jixtieq jitlaqqam f’Malta. Huwa se jirċievi sms bil-konferma u fi ftit jiem jirċievi sms ieħor bl-appuntament.

Jekk dak li jkun jippreferi jirreġistra l-interess tiegħu bis-sistema online, dan jista’ jsir billi jidħol fuq is-sit vaccin.gov.mt, u jsegwi l-proċedura minn hemm.

Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li dawk kollha li għandhom iktar minn 50 sena jistgħu jirreġistraw biex jieħdu t-tilqima għand it-tabib privat tagħhom, filwaqt li s-servizz jibqa’ b’xejn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com