Riċerka Sabiex L-Intelliġenza Artifiċjali Tintuża Fil-Ħajja Ta’ Kuljum

 Riċerka Sabiex L-Intelliġenza Artifiċjali Tintuża Fil-Ħajja Ta’ Kuljum

F’pajjiżna għaddejja b’ħidma fuq ir-riċerka bil-għan li l-Intelliġenza Artifiċjali tibda tintuża fl-edukazzjoni u fl-industrija.

Dan tħabbar mill-Ministru Silvio Schembri, b’investiment ta’ iktar minn €161,000 fuq 3 proġetti, u li qed isiru b’kollaborazzjoni ta’ suċċess bejn l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali u l-Università ta’ Malta.

Permezz tal-proġett Speech Processing, ir-riċerkaturi qed ikunu mgħejjuna sabiex il-lingwa mitkellma tiġi mifthiema mis-sistemi u tiġi proċessata. Riċerka li tista’ tintuża f’sistemi ta’ chatbox.

Dan filwaqt li permezz tal-proġett Text Processing, ir-riċerkaturi se jkunu qed isaħħu l-għodda teknika sabiex il-Malti miktub jigi miftiehem u pproċessat, u b’hekk l-għodda tkun tista’ tintuża minn kwalunkwe industrija. Riċerka li tista’ tintuża fis-sottotitoli.

Intant, il-proġett Edu AI qed jesplora kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tkun għodda assistiva fis-settur tal-edukazzjoni, fejn it-tfal jintegraw mat-teknoloġija, fejn din se tassistihom fl-iżvilupp akkademiku u għaldaqstant tiżra fihom l-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali minn età daqshekk zgħira.

Il-Ministru Schembri spjega dan huwa mod prattiku tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-ħajja ta’ kuljum u l-bidu ta’ sensiela ta’ riżultati tanġibbli tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali sas-sena 2030.

Żied jgħid li l-għan tal-Gvern huma li biss ikun attirat l-investiment barrani u jinħolqu impjiegi fis-settur, iżda sabiex il-benefiċċji miġjuba minn din il-mewġa ta’ innovazzjoni jilħqu iżjed segmenti fis-soċjetà Maltija.

Ritratt: Reuben Piscopo / DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com