UCL – Triq Għat-Telgħa Iżda Mhux Impossibli Għal Liverpool.. Man City Ma’ Jafux Ma’ Jirbħux

 UCL – Triq Għat-Telgħa Iżda Mhux Impossibli Għal Liverpool.. Man City Ma’ Jafux Ma’ Jirbħux

UEFA Champions League 

L-aktar kompetizzjoni prestiġġjuża tal-Futbol lura t-Tlieta bl-ewwel żewġ logħbiet mill-Kwarti tal-Finali l-Ewwel Legs.

F’Estadio Alfredo Di Stefano, Real Madrid għelbu meritatament lil Liverpool 3-1.

Vantaġġ komdu għal Merengues iżda konfront li għadu miftuħ beraħ, b’Liverpool formidabbli f’darhom u mhux l-ewwel darba li dawru logħba kkomplikata favurihom f’din il-kompetizzjoni f’Anfield, iżda bil-partitarji warajhom, tagħmel differenza kbira, għaliex issa qed jilgħabu fi stadium bis-siġġijiet vojta.

Madrid żewġ goals vantaġġ sal-mistrieħ, għat-tim tal-kowċ Zinedine Zidane skorja l-ewwel Vinicius Junior fis-sebgħa u għoxrin minuta, rdoppja Marco Asensio disa’ minuti wara.

Fit-tieni taqsima, tentattiv ta’ reazzjoni mir-Reds twassal għall-gowl ta’ Mohamed Salah, iżda l-aħjar player tal-partita Vinicius Junior skorja d-doppjetta personali biex ta dal-vantaġġ lil Real qabel il-partita ta’ ritorn nhar l-Erbgħa f’Anfield.

Fil-logħba l-oħra rġajna rajna lil Manchester City jirbħu.

Dan l-istaġun jew iżżomm mat-tim ta’ Guardiola jew issegwihomx mill-ewwel, għax il-verdett finali tkun tafu minn qabel.

Logħba li kienet riesqa lejn draw meritat għal Dortmund, iżda b’ilsienhom barra l-players tas-City baqgħu iridu r-rebħa u kisbuha b’goal fid-disgħin minuta.

Il-mentalita rebbieħa li njetta Guardiola f’dan it-tim hija nkredibbli u bla preċedent.

Vantaġġ kmieni għalihom minn Kevin De Bruyne, draw meritat għall-Ġermaniżi skurjat b’xutt sabiħ fil-baxx minn Marco Reus fl-84 minuta, logħba li kienet riesqa lejn draw ġust, qabel xammar il-kmiem daż-żagħżugħ Phil Foden, li bi sforz finali tefa’ fir-rokna tax-xibka biex għeleb lill-goalkeeper avversarju Marwin Hitz u ta r-rebħa lit-tim Ingliż, biex il-mixja lejn trijonf uniku f’erba’ kompetizzjonijiet dan l-istaġun għal Manchester City tkompli.

Il-logħbiet ta’ ritorn f’dawn iż-żewġ konfronti jintlgħabu l-Erbgħa 14 t’April, illejla ntant l-ewwel legs taż-żewġ Kwarti tal-Finali l-oħra, Porto kontra Chelsea u repetizzjoni tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni l-istaġun li għadda fl-aħħar t’Awwissu f’Lisbona, bejn il-holders Bayern Munich, li bħas-City ma’ jafux ma’ jirbħux u l-Franċiżi mmexxija minn Mauricio Pochettino, Paris St. Germain.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com