Ħolma Tal-Kalkariżi Se Titwettaq – €6 Miljuni Għar-Riġenerazzjoni Tax-Xatt Tal-Kalkara

 Ħolma Tal-Kalkariżi Se Titwettaq – €6 Miljuni Għar-Riġenerazzjoni Tax-Xatt Tal-Kalkara

Illuml-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar investiment ta’ aktar minn €6 miljun għar-riġenerazzjoni tax-xatt tal-Kalkara, proġett li se jitwettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC). Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Kalkara s-Sur Wayne Aquilina.

Il-Minitsru Ian Borg tenna li kontinwament il-Gvern qed jaħdem sabiex jinbidel wiċċ il-pajjiż u kull rokna tieħu dak li jixirqilha infrastrutturalment. Dan se jgħin biex titjieb il-kwalita tal-ħajja tan-nies.

Semma kif dawn l-investimenti, bħal proġetti oħra li qed isiru bħalissa mill-GHRC, fosthom ir-riġenerazzjoni tal-Isla, huma kollha turija ta’ gvern li hu kemm konxju tal-istorja ta’ pajjiżna kif ukoll tal-wirt storiku u l-importanza ta’ dawn il-postijiet, fejn il-ħidma qed issir bil-għan li tingħata r-ruħ u l-identità lil dawn il-postijiet storiċi.

Dan il-proġett mistenni jinkludi bosta xogħlijiet ta’ titjib għall-komunità Kalkariża, fosthom 650 metru ta’ pavimentar ġdid b’bankijiet ġodda u b’aċċess aħjar għall-baħar u li se jkun parti minn passaġġ pedonali ta’ 4.5km minn Bighi sa Isla point. Mistenni ukoll li jitħawwlu bosta siġar ġodda b’sistema ta’ irrigazzjoni li tiżgura tisqija effiċjenti għal żoni tal-pajsaġġ. Il-pjazza ta’ quddiem il-knisja se tiġi trasformata f’żona pedonali u fost faċilitajiet oħra mistennija li jinbnew tliet kanizzati li jservu bħala spazju fejn in-nies se jkunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw, kif ukoll bandli ġdid fil-pjazza li se jkun qed joffri ambjent aktar sigur u aċċessibbli għat-tfal.

Iċ-Chairman tal-GHRC Anthony Agius Decelis qal li, “Anke fil-Kalkara għaddej investiment sostenibbli sabiex inkomplu ngħollu l-livell tal-għajxien tal-poplu ta’ dawn iż-żoni. Dan huwa proġett ieħor li se jkompli jagħmel marka fiż-żona u jgħaddi messaġġ b’saħħtu li dan il-gvern ma jħalli lil ħadd waħdu.”

Il-proġett se jinkludi ukoll sistemi ġodda ta’ drenaġġ u ilma li se jinbnew sabiex jaqblu mad-domanda tal-ħtiġijiet dejjem jikbru ta’ din iż-żona fil-Kottonera. Għal aktar sigurtà, se tiġi installata wkoll sistema ta’ CCTV, u għal dehra aktar estetikament pjaċevoli se tiġi installata sistema ġdida ta’ dawl li se tikkumplimenta kemm iż-żona pedonali u l-pjazza, kif ukoll se tikkumplimenta sistemi oħra ta’ dawl ippjanati għas-swar tal-Kottonera.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal, “Nilqa’ b’entużjażmu dan l-investiment għar-riġenerazzjoni xierqa tax-xatt tal-Kalkara. Din hija ħolma għall-poplu Kalkariż, u ħerqanin biex narawha titwettaq. Nemmen bis-sħiħ fil-potenzjal li joffri r-raħal tagħna. Inħares ’il quddiem biex fix-xhur li ġejjin, grazzi għal GHRC, nagħtu lill-poplu Kalkariż żona mill-isbaħ li titgawda minn kulħadd.”

Ritratti: DOI, MRIC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com