“Is-Sodisfazzjon Li Tkun Ta’ Spalla Għall-Pazjent…”

 “Is-Sodisfazzjon Li Tkun Ta’ Spalla Għall-Pazjent…”

Hekk kif illum tibda l-ġimgħa ddedikata lill-infermiera, tkellimna m’infermier li ilu jagħmel dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 17-il sena. Tkellem magħna kif wieħed irid ikollu vokazzjoni sabiex jagħmel dan ix-xogħol tant sensittiv, u dejjem ikun attent sabiex jipprovdi l-aqwa kura lill-pazjent. 

B’emozzjoni stqarr magħna li huwa ta’ sodisfazzjon meta l-pazjent ikun mixi ’l quddiem. Tkellem ukoll kif “l-imwiet jibqgħu stampati f’moħħok”, u l-element uman ta’ din il-professjoni joħroġ b’saħħtu, hekk kif l-irwol tal-infermiera ma jieqafx biss mal-pazjent iżda jkun ukoll ta’ sapport għall-familjari f’dawn il-mumenti iebsin tal-ħajja. 

L-infermier tkellem ma’ Strada Rjali, kif bil-pandemija, il-pressjoni kibret. Il-fatt li għal perjodu ta’ żmien ma’ tħallewx jidħlu viżitaturi sabiex jaraw lill-pazjenti, il-pazjent kien iħoss dan in-nuqqas, u għalhekk l-infermiera kienu jippruvaw jagħmlu minn kollox sabiex inisslu tbissima u jkunu t’għajnuna għall-pazjenti f’dan iż-żmien. 

L-infermier, li llum jaħdem fil-qasam tas-saħħa mentali, stqarr kif rajna avvanz fejn jidħol trattament tas-saħħa mentali. Sostna ukoll li għalkemm naqset, għad isib stigma f’dan il-qasam u għalhekk appella lil pubbliku sabiex dan ma jseħħx.

Appella ukoll sabiex “nibżgħu għal saħħitna għax ħajja waħda għandha” u jeħtieġ nibqgħu nsegwu l-miżuri li joħorġu l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Tkellem kif qiegħed isir xogħol kbir fil-qasam tas-saħħa u l-ħaddiema kollha qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom kollu.

Ħeġġeġ lil dawk li jħossu l-vokazzjoni għal din il-professjoni sabiex ma jaqtgħux qalbhom għaliex għalkemm mhux xogħol faċli u m’hemmx ħdud u festi, “is-sodisfazzjon li tkun ta’ spalla għall-pazjent huwa kbir wisq”. Qalilna li s-sodisfazzjon li jieħu meta jagħmel differenza fil-ħajja tal-pazjent jħeġġu jibqa’ jagħmel dan ix-xogħol… “inħoss sodisfazzjon kbir meta nara li nkun għamiltu l-ġurnata isbaħ lill-pazjent!”.

Ritratt: Whole Life Nurse

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com