Tissolva Serqa Ta’ Mijiet Ta’ Settijiet Tal-Arja Kundizzjonata B’Valur Ta’ Madwar €300,000

 Tissolva Serqa Ta’ Mijiet Ta’ Settijiet Tal-Arja Kundizzjonata B’Valur Ta’ Madwar €300,000

Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żebbuġ wasslu biex ġiet solvuta serqa kbira ta’ settijiet tal-arja kundizzjonata ġodda minn maħżen ta’ kumpanija privata li tinsab fiż-Żona Industrijali f’Tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Dan intqal fi stqarrija mill-Uffiċju tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Pulizija fejn tennew li mill-investigazzjonijiet, irriżulta li s-settijiet allegatament insterqu fuq medda ta’ disa’ xhur u b’rabta mal-każ, tmien persuni qegħdin jgħinu lill-Pulizija.

Fis-16 ta’ Diċembru, 2020, il-Pulizija tad-Distrett kienu nfurmati mill-kumpanija li sabu xi settijiet tal-arja kundizzjonata neqsin. Minn aktar investigazzjonijiet li saru fil-ġimgħat ta’ wara, instab li b’kollox insterqu mad-900 sett, li l-valur tagħhom jammonta għal madwar €300,000.

B’kollox ġew identifikati 8 irġiel, li għandhom bejn il-35 sena u d-59 sena, suspettati li huma involuti f’dan il-każ. Minn tfittxijiet li saru f’diversi residenzi, garaxxijiet u mħażen oħra, ġew irkuprati mat-800 sett misruq u rritornati lill-kumpanija.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com