Ktieb Ġdid Dwar L-Esperjenza Politika Ta’ Salvu Sant – Ħu L-Ministru Lorry Sant

 Ktieb Ġdid Dwar L-Esperjenza Politika Ta’ Salvu Sant – Ħu L-Ministru Lorry Sant

Salvu Sant hu ħu l-ex Ministru Laburista Lorry Sant, politiku kontroversjali ħafna li għamel 16-il sena Ministru. Iżda f’dan il-ktieb joħroġ ukoll li wieħed minn ħut Salvu Sant kien emigra l-Awstralja imma nqata’ l-kuntatt bejniethom tant li Sant jikteb li ma jafx x’sar minnu, “Kien hemm ukoll ħija Willie li fl-1963 kien emigra lejn l-Awstralja u, ngħid il-verità, l-emigrazzjoni begħditna fi żmien meta l-komunikazzjonijiet kienu diffiċli, u sal-lum ma nafx x’sar minnu.”

Sant għamel 65 sena fil-Partit Laburista, jiftakar 10 Prim Ministri u għandu xi jgħid dwar ħafna minnhom partikolarment dwar Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici.

F’dan il-ktieb Salvu Sant inaqqax il-karattru ta’ Dom Mintoff kif tant jafu tajjeb hu fuq għexieren ta’ snin b’tifkiriet ta’ ġrajjiet li qed jitwasslu lill-pubbliku għall-ewwel darba. Inaqqax ukoll il-karattru ta’ ħuh, Lorry, bla ma jagħmel xi apoloġija għalih, anzi jwassalhulna sħiħ u awtentiku. Jagħtina l-esperjenza mill-aktar personali tiegħu fl-interdett. Ipinġi stampa ġenwina ta’ ħafna mexxejja li hu jaf sewwa, fuq iż-żewġ xaqlibiet tal-politika Maltija. U ċertu ġrajjiet li jirrakkonta jistgħu jissorprendu lil dawk li jaħsbu li l-politika Maltija hi biss ġlieda tal-klieb u l-qtates. Salvu Sant iwasslilna ħafna avvenimenti mill-esperjenza rikka u twila tiegħu fit-Tarzna, fil-karigi tiegħu fil-Partit Laburista, f’korporazzjonijiet tal-Istat Malti, fil-Parlament u f’għaqdiet sportivi.

Min jixtieq jikseb dan il-ktieb għandu jagħmel kuntatt fuq 9993 2592.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com