Numru Ta’ Kontravensjonijiet Għal Min Rama Skart Illegali – Aktar CCTV Se Jkunu Installati

 Numru Ta’ Kontravensjonijiet Għal Min Rama Skart Illegali – Aktar CCTV Se Jkunu Installati

Minkejja bosta inizjattivi li jsiru fil-pajjiż biex dejjem ikollna Malta u Għawdex aktar indaf, li wara kollox, dan huwa ta’ benefiċċju għall-poplu kollu, xorta waħda ssib min jikser il-liġi u ma jiddejjaqx jarmi l-iskart tiegħu barra.

Tkellimna ma’ Ramon Deguara; Direttur Ġenerali tal-Cleansing and Maintenance Department fejn staqsejnieh hekk:

X’passi qed jittieħdu fuq persuni li qed jarmu skart illegali jekk kemm-il darba jinqabdu?

Permezz ta’ CCTV cameras li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha installati madwar Malta, ikun hemm bosta każijiet fejn jinqabdu persuni jarmu skart illegali. Dawn il-każijiet jiġu mgħoddija lil LESA jew lill-pulizija sabiex jittieħdu passi neċċessarji. Konsegwentament, inħarġu numru ta’ kontravensjonijiet relatati ma rimi illegali maqbudin minn CCTV cameras. Barra minn hekk, f’każ ta’ postijiet oħrajn li ma jkunx hemm CCTV cameras tad-Diviżjoni, il-pulizija jinvestigaw huma, possibilment permezz ta’ CCTV cameras oħrajn f’żoni tal-madwar, sabiex jippruvaw jiddentifikaw il-persuni li jarmu skart illegali.

 X‘qed isir biex dan l-aġir jitnaqqas?

Bħala miżura sabiex jitnaqqas ir-rimi illegali ta’ skart madwar Malta, matul l-aħħar snin id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni investiet f’numru ta’ CCTV cameras. Filfatt, fl-2020 id-Diviżjoni kompliet tinvesti f’iżjed CCTV cameras u preżentament għandha madwar 37 sistema joperaw f’postijiet differenti madwar Malta. Dawn is-sistemi jiġu issorveljati b’reqqa minn monitoring room fi ħdan id-Diviżjoni stess u tajjeb li wieħed jirrimarka li fejn twaħħlu dawn is-CCTV cameras l-abbuż ta’ rimi illegali ta’ skart inqata’ kważi totalment.

 Xi jfisser ‘a fini’ ta’ ħidma, meta persuni jarmu bl-addoċċ meta hawn il-kumditajiet kollha disponibbli?

Huwa ppjanat li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tkompli tinvesti u jiġu installati aktar CCTV cameras ġodda biex b’hekk inkomplu nissorveljaw aktar postijiet pubbliċi. Għalkemm id-Diviżjoni qed twettaq xogħol siewi u qed isiru sforzi kbar sabiex dawn l-abbużi jitnaqqsu drastikament, l-appell dejjem jibqa’ sabiex il-pubbliku dejjem ikun responsabbli u jagħmel użu minn bosta faċilitajiet disponibbli fejn wieħed jista’ jarmi l-iskart tal-kostruzzjoni fihom, iżda t-toroq mhumiex parti minnhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com