Proġett B’Riżq Il-MCCF Mill-Iskola St. Francis Ta’ B’Kara

 Proġett B’Riżq Il-MCCF Mill-Iskola St. Francis Ta’ B’Kara

M’hemmx sodisfazzjon akbar għalina l-edukaturi milli meta naraw l-istudenti għeżież tagħna jimirħu ‘l barra mis-suġġetti akkademiċi u jagħtu sehemhom f’attivitajiet ekstra-kurrikulari. Dan ħafna drabi hu l-ewwel pass li jressaqhom lejn involviment f’għaqdiet volontarji meta jikbru.

Wieħed mill-gruppi volontarji fl-iskola, li għalih jattendu għadd ġmielu ta’ studenti minn kull sena, hu dak tal-Ekoskola. Din is-sena aprezzajna l-involviment taċ-ċkejknin tagħna f’dan il-grupp aktar minn qatt qabel, għax saħansitra, minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, kellna niltqagħu virtwalment filgħaxijiet. Minkejja l-ħin barra dak tal-iskola, in-numru sabiħ ta’ tfal qatt ma naqas.

Titpaxxa mbagħad tismagħhom joħorġu b’tant u tant idejat sbieħ u b’għan nobbli, fosthom l-ideja li nippublikaw ktieb tar-riċetti, mit-tfal għat-tfal, li l-qligħ tal-bejgħ tiegħu seta’ mbagħad imur biex jgħin lil dawk fil-bżonn. Meta tqis li dawn it-tfal huma l-mexxejja ta’ għada, timtela bil-kuraġġ li l-pedament hu daqstant fis-sod!

Fil-pront, it-tim tal-Ekoskola, midd idu għax-xogħol, u stieden lill-istudenti l-oħra sabiex jibagħtu r-riċetti. Dawn fil-pront laqgħu l-isfida, u bi ħġarhom daħħlu tant riċetti bnina u sustanzjużi. Hawn ma nistax ma nirringrazzjax lill-għeżież ġenituri, li kienu ta’ sostenn għall-istudenti tagħna, u li kkollaboraw fil-pront meta tlabna l-għajnuna tagħhom. Saħansitra, fuq jumejn biex irrispettajna r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, ġew bil-platti mżejna, sabiex il-fotografu seta’ jieħu r-ritratti professjonali. Anke xi għalliema daħħlu għadd ta’ riċetti tajbin.

It-tim tal-Ekoskola nieda wkoll kompetizzjoni għall-isbaħ faċċata u l-aqwa titlu tal-ktieb. Mill-ġdid l-istudenti urew ħeġġa kbira u xejn ma kien faċli sa ma għazilna, għax ix-xogħol kien mill-aqwa!

Malli l-iskola esprimiet ix-xewqa li tgħin lil min hu anqas ixxurtjat, dlonk żewġ ġenituri ffaċilitaw kollaborazzjoni flimkien mal-Uffiċju tal-President. Wara laqgħa mas-Sinjura Vella, mart l-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta, li laqgħetna b’tant ħlewwa flimkien mat-tim tagħha, il-ħolma tagħna saret realta`.

Issa jmiss l-isfida li jmiss, li nbigħu kotba kemm nifilħu, sabiex b’hekk inkun għinna l-Community Chest Fund tilħaq numru kbir ta’ nies fil-bżonn! Il-ktieb, Ikel Frisk mill-Iskola ta’ San Franġisk, jista’ jinxtara għall-prezz ta €5, mill-iskola stess, bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar, jew billi ċċemplu fuq 21442205 fl-istess ħinijiet.

F’isem l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u l-SLT, li flimkien niffurmaw il-familja ta’ St. Francis Birkirkara, nirringrazzjakom bil-quddiem tal-għajnuna u l-ġenerozità tagħkom!

Miktub minn Daniela Demicoli – Kap tal-Iskola St. Francis Birkirkara

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com