Bini Ta’ Kampus Ġdid Għall-ITS U Skola Ġdida Fil-Pjan Ta’ Rkupru U Reżiljenza

 Bini Ta’ Kampus Ġdid Għall-ITS U Skola Ġdida Fil-Pjan Ta’ Rkupru U Reżiljenza

Waqt li din il-ġimgħa kien qed jindirizza l-Parlament fid-diskussjoni dwar il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li fost il-proġetti ewlenin li fih il-pjan hemm nefqa ta’ €41 miljun fil-bini ta’ Kampus ġdid għall-I.T.S u l-bini ta’ skola ġdida.

Huwa fisser il-pjan bħala wieħed mill-aktar ambiżżjuz li saħansitra se jiżboq il-miri ambjentali u dawk diġitali li imponiet il-Kummissjoni Ewropea fuq l-użu tal-għotjiet li hija qed tagħti lill-Istati Membri bħala għajnuna biex jirkupraw mill-pandemija.

Skond dan il-pjan, Malta ser tonfoq €345 miljun biex twettqu, mill-inqas €320 miljun minnhom f’għotja diretta mill-Unjoni Ewropea.

Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr fil-Parlament li l-bini ta’ Kampus ġdid għall-ITS se jkun ta’ sostenn kbir għall-industrija turistika f’pajjiżna li kulħadd jaf kemm hija importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ħa jkollhom opportunita jistudjaw u jiżviluppaw fil-karriera tagħha f’kampus ġdid li se jkun mgħammar bl-aqwa teknoloġija u li se joffri programmi ġodda li l-industrija turistika qegħda titlob f’dawn iż-żmienijiet u li se jkollha bżonn fil-futur.

Inizjattiva oħra importanti li tinkwadra ruħha fil-miri ambjentali tal-Pjan hija l-bini ta’ skola ġdida li tkun kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju. L-għan ta’ din il-binja se tkun li tkun mudell ta’ kif għandhom jinbnew skejjel oħra fil-futur biex Malta tkompli dejjem tersaq lejn il-miri ambjentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri dik li tkun ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju sas-sena 2050.

Fil-fatt meta ntroduċiet il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Unjoni Ewropea insistiet li l-Istati Membri kollha iridu jiddedikaw mill-inqas 37% tan-nefqa tagħhom minn dan il-Fond għal proġetti ambjentali li jnaqqsu l-impatt fuq il-klima ħalli jonqsu l-emmissjonijiet. Fil-fatt il-pjan ta’ Malta jiżboq din il-miri u kważi nofs l-infieq kollu tal-pjan se jkun iddedikat għall-ambjent.

Hemm għadd kbir ta’ inizjattivi f’dan il-qasam fosthom ir-“retrofitting” u rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi, l-iskejjel, u  l-isptarijiet pubbliċi bil-għan li dawn isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’hekk inaqqsu l-emmissjonijiet.

Se jsiru investimenti kbar biex tinbidel il-flotta kollha ta’ karozzi tas-servizz pubbliku għal waħda elettrika filwaqt li se jingħataw inċentivi biex in-nies jibdlu l-karozzi privati tagħhom ukoll għal dawk elettriċi. Se jibda proċess biex anke l-vetturi tat-trasport pubbliku isiru elettriċi.

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li l-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa ħolqa minn numru ta’ inizjattivi li dan il-Gvern ħa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u jitkattru biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com