Kampjonat Nazzjonali Ċikliżmu – Etienne Bonello U Marie Claire Aquilina R-Rebbieħa

 Kampjonat Nazzjonali Ċikliżmu – Etienne Bonello U Marie Claire Aquilina R-Rebbieħa

Il-Kampjonat Nazzjonali tat-Trail tat-Time organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li sar riċentament fejn kien hemm suċċess għat-Team tal-Greens li rebaħ iżżewġ kategoriji prinċipali. Etienne Bonello żamm it-titlu ta’ Champion għat-tielet sena konsekuttiva, filwaqt li Marie Claire Aquilina spiċċat ic-champion Feminili.

Din is-sena 2021, minħabba l-problemi li ħolqot il-Pandemija u biex titħares saħħiet iċ-ċiklisti u l-membri, dan il-Kampjonat bħas-sena l-oħra sar fuq tiġrija waħda minflok is-soliti tlieta, biex b’hekk setgħu joħorġu c-champions nazzjonali. It-tiġrija deċisiva tal-Kampjonat Time Trail saret nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2021 fuq iċ-ċirkwit tal-Mrieħel fejn iċ-ċiklisti għamlu 8 dawriet għal distanza ta’ 23km. It-tluq sar biċ-ċiklisti kollha telqu waħedhom mingħajr ħadd ma żammhom.

Qabel bdew it-tiġrijiet saret minuta silenzju b’rispett lejn Pawlu Attard magħruf bħala ‘ċ-Ċinelli’ li miet nhar id-29 ta’ Ġunju fl-għomor ta’ 87 sena. Attard kien persuna sinonima maċ-ċikliżmu lokali fejn kif jafuh bosta kien bniedem ta’ qalb tad-deheb u li ħabb iċ- ċikliżmu sa minn eta’ żgħira. Ħafna ċiċlisti jafuh bħala l-persuna ċajtiera li kien iżommhom minn wara tar-rota qabel bosta tiġrijiet tat-Time Trial. Minkejja din l-eta’ kbira, hu kien baqa’ attiv bir-rota xi ħaġa li kienet tiġbed l-ammirazzjoni ta’ bosta u għalhekk iċ-ċikliżmu lokali tilef parti ferm importanti minnu.

Etienne Bonello (Team Greens CC) baqa’ bħala Champion tat-Time Trial meta spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 29:05.41. Għalih dan kien it-13 il-titlu Nazzjonjali tat-Time Trial. Huwa reġa kien segwit minn sieħbu Clive Ebejer (29:11.75), waqt li fit-tielet post daħal Mark Bonnici ta’ Agones SFC (29:20.49).

Fil-kategorija Feminili, dominju assolut minn ċiklisti tat-Team Greens fejn Marie Claire Aquilina pattiet għat-telfa tas-sena l-oħra meta spiċċat l-ewwel f’ħin ta’ 31:53.58. Għaliha dan kien il-ħames titlu Nazzjoni tat-Time trial. Warajha spiċċaw rispettivament sħabha tal-istess tim, Danica Bonello Spiteri (33:09.16) u Michelle Vella Wood (33:38.85).

The Cyclist marru l-aħjar fil-Kategorija tal-Masters 40+ fejn hawn ħareġ rebbieħ Antoine Sultana f’ħin ta’ 29:15.82. Fit-tieni post spiċċa sieħbu Nicholas Schembri (30:12.46) u t-tielet spiċċa Justin Gauci ta’ Mosta AF Sign Studio CC (30:45.08). Fil-Kategorija Masters 50+, fl-ewwel tliet postijiet spiċċaw ċiklisti ta’ Mosta AF Sign Studio CC f’din l-ordni: Kevin Muscat (31:40.94), Nicky Farrugia (32:51.52) u Emmanuel Camilleri (38:05.45).

Il-kategorija ta’ taħt it-23 sena ntrebħet minn Luke Borg ta’ The Cyclist li spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 29:18.36. Warajh spiċċaw Kurt Muscat ta’ Mosta AF Sign Studio CC f’ħin ta’ 30:20.51 u Brandon Sultana ta’ Gozo CC (30:30.34). Daniel Schembri ta’ Mosta AF Sign Studio ġie inkurunat bħala Juniors champion meta spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 31:10.02 quddiem Darren Sultana ta’ Gozo CC (33:19.44).

Pia Zammit ta’ B’Kara St Joseph SC rebħet il-Kategorija Feminili tal-Under 18 meta spiċċat it-tiġrija tagħha f’ħin  ta’ 35:11.43. Warajha spiċċaw rispettivament żewġ ċiklisti ta’ The Cyclist, Kristina Spiteri (35:40.24) u Veronique Pace Asciak (39:26.99). Ċiklista ieħor ta’ The Cyclist, Ryan Gatt kien l-uniku ċiklista li ħa sehem fil-Kategorija Maskili tal-Under 14 fejn temm l-erba’ laps tiegħu f’ħin ta’ 17:17.15.

 

Ritratt: Joe Bajada

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com