Mellieħa Futsal Jirbħu ċ-Challenge Cup

 Mellieħa Futsal Jirbħu ċ-Challenge Cup

Mellieħa Futsal kisbu t-tieni unur tagħhom f’inqas minn ġimgħa meta fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport għelbu lill-Universita’ ta’ Malta bl-iskor ta’ 4-2 fil-finali taċ-Challenge Cup.

It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta kien għadu ġej minn suċċess ieħor hekk kif rebħu l-FMA Amateur Cup kontra Ta’ Xbiex Futsal.

Kienet logħba ferm emozzjonanti u fl-istess ħin bilanċjata bir-riżultat jibqa’ inċert sal-aħħar sekondi. Fuq kollox din kienet ukoll l-aħħar partita tal-istaġun tal-futsal lokali fejn wieħed jista’ jgħid li kien suċċess minkejja d-diffikultajiet kollha li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 bil-kampjonat li kellu jitwaqqaf bejn Marzu u Ġunju.

Il-partita bejn l-Universita’ ta’ Malta u Mellieħa kienet ukoll ripetizzjoni ta’ dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu fejn kienu tal-ewwel li rebħu d-decider għar-raba’ post kontra l-istess avversarji wara li t-tnejn li huma spiċċaw bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika.

Madankollu l-Melliħin kellhom ideat oħra fil-partita tal-bieraħ u ħarġu ferm aggressivi tant li marru minn wara minuta permezz ta’ Joshua Tonna wara pass ta’ Gjepali.

Mellieħa baqgħu konċentrati u rduppjaw l-iskor mal-ħin permezz tal-plejer-kowċ tagħhom Armando Gjepali.

Hekk kif Mellieħa wettqu ħames fouls, l-Universita’ ta’ Malta ngħataw xutt mis-second penalty mark li ġie skorjat minn Essa Benatiya li b’hekk daħħal lit-tim tiegħu fil-logħba.

Madankollu l-ferħ ta’ dawn tal-aħħar ftit dam hekk kif Ervin Rigo skorja mill-viċin għall-Mellieħa u b’hekk għamilhom 3-1.

Fit-tieni taqsima, l-Universita ta’ Malta ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jerġgħu jidħlu fil-logħba. Wara li Alexander Ellul laqat il-lasta u l-keeper ta’ Mellieħa Deguara salva mill-viċin fuq xutt ta’ Benatiya, kien Neil Cauchi li sa fl-aħħar naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu.

L-aħħar minuti kienu ta’ tensjoni assoluta, bl-Universita jattakkaw fejn saħansitra kellhom lil Cleaven Portelli li ħareġ bħala flying keeper iżda l-Melliħin li ddefendew bi ħġarhom.

Sabiex 42 sekonda minn tmiem il-konfront kien il-gowlkiper Norvic Deguara li ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu meta skorja f’lasta vojta.

Fi tmiem il-partita, il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Mellieħa Ryan Xuereb.

 

Ritratt: FMA

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com