Shireburn Software B’Kap Eżekuttiv Ġdida

 Shireburn Software B’Kap Eżekuttiv Ġdida

Il-kumpanija Shireburn Software ħabbret li ħatret lil Yasmin de Giorgio bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdida tagħha mill-1 ta’ Awwissu tal-2021. Il-fundatur ta’ Shireburn, John de Giorgio, se jkun qed jimxi għal irwol mhux eżekuttiv bħala ċ-Chairman tal-bord. Franco Galea se jkun qed iżomm l-irwol eżekuttiv tiegħu filwaqt li se jibqa’ jservi bħala d-Direttur tal-bord ta’ Shireburn. Hu se jkompli jikkontribwixxi fejn jidħol id-disinn tal-prodott u anke se jservi bħala konsulent għat-tim li se jkun qed imexxi din il-kumpanija fil-futur. Din it-taħlita ta’ kontinwità tal-esperjenza u l-enerġija ġdida li tiġi meta jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid, se tara l-bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja ta’ Shireburn Software.

“Is-suċċess ta’ Shireburn ilu għaddej għal kważi 38 sena għax tgħallimna kif nirriġeneraw lilna nfusna u b’hekk is-soluzzjonijiet li pprovdejna baqgħu ta’ valur. Dan huwa mument fejn qed nibdew ċiklu ġdid u ninsab kburi li qed ngħaddi legat b’saħħtu lill-Kap Eżekuttiv il-ġdida u lit-tim amministrattiv, fejn xi wħud għaddew minn tibdiliet sinjifikanti f’Shireburn għal darba, darbtejn,” qal il-fundatur ta’ Shireburn John de Giorgio.

Yasmin de Giorgio hija rikonoxxuta bħala impreditriċi ta’ suċċess wara li bdiet tliet negozji b’suċċess fi żmien ħames snin. Il-Kap Eżekuttiv ġdida ilha għal dawn l-aħħar 10 snin taħdem fuq negozji tat-tip start-ups f’oqsma innovattivi u għadha passjoni kbira fejn jidħol l-iżvilupp personali u konsulenza.

“Minkejja li l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv iġib miegħu diversi responsabbiltajiet, l-aktar irwol li se niffoka fuqu huwa s-sens ta’ integrità lejn il-klijenti li kemm missieri, kif ukoll Franco, kisbu u kabbru matul is-snin. Shireburn hija mibnija fuq dan il-prinċipju u sal-lum ħafna mid-deċiżjonijiet strateġiċi li jittieħdu huma bbażati fuq dawn ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja mal-klijenti tagħna. Huwa valur li jiena ninsab kburija li writ mingħandhom it-tnejn u se nkun qed inkompli naħdem fuqu b’sinċerità,” qalet il-Kap Eżekuttiv il-ġdida ta’ Shireburn, Yasmin de Giorgio.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com