SportMalta Tqassam €5 Miljun Mill-NDSF Lil 10 Assoċjazzjonijiet Sportivi Bi Preparazzjoni Għal-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar 2023

 SportMalta Tqassam €5 Miljun Mill-NDSF Lil 10 Assoċjazzjonijiet Sportivi Bi Preparazzjoni Għal-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar 2023

Fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, SportMalta qassmet l-investiment ta’ ħames miljun ewro li rċievet minn ‘The National Development and Social Fund’ (NDSF) lil għaxar assoċjazzjonijiet sportivi sabiex jibda t-taħriġ tal-atleti Maltin għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023.

Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta u l-għaxar assoċjazzjonijiet, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima u tas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li SportMalta diġà investiet f’infrastruttura kif ukoll faċilitajiet ġodda sportivi li jistgħu jitgawdew minn kulħadd. Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dan l-investiment finanzjarju, li se jservi bħala spinta u preparazzjoni għall-atleti Maltin qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fis-sena 2023, se jkompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa ta’ spalla għall-atleti u l-organizzazzjonijiet sportivi u li l-aspirazzjonijiet ta’ tant atleti se jkunu jistgħu jintlaħqu.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li “għal darb’oħra, pajjiżna qed juri biċ-ċar kif il-ġid iġġenerat minn inizjattivi ta’ residenza u ċittadinanza qed isarraf f’aktar għajnuna u investiment li qed jasal fil-komunità.” Filwaqt li awgura lill-atleti, reġa’ tenna l-impenn li jibqa’ jattira lejn Malta l-investiment dirett barrani li qed isarraf f’tant benefiċċji għal pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li r-rekord ta’ assistenza li ġie mogħti llum huwa investiment u fiduċja fl-atleti kollha. Il-miri huma ċari u l-pjan huwa lest sabiex ħafna mill-atleti jibdew jgħixu karriera professjonali li żgur tħalli l-frott. L-għan ta’ dan kollu huwa li jintrebaħ rekord ta’ medalji tad-deheb fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u nikwalifikaw kemm jista’ jkun atleti għal-logħob olimpiku fi Franza għas-sena 2024.

Permezz ta’ dawn il-fondi, l-assoċjazzjonijiet sportivi, se jkunu jistgħu jimpjegaw coaches professjonali fuq bażi full-time flimkien mal-kumplament tal-istaff tekniku neċessarju, jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni ta’ atleti Maltin f’kompetizzjonijiet u sessjonijiet ta’ taħriġ barra mill-pajjiż, u jinvestu f’għodda teknika aktar adekwata.

Id-dixxiplini sportivi li ngħataw l-għajnuna huma: atletika, basketball, ġudo, rugby, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis, u tennis.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com