World Pro Racing Inawguraw Ċentru State-Of-The-Art Li Jiswa €300,000 F’Montekristo Estate

 World Pro Racing Inawguraw Ċentru State-Of-The-Art Li Jiswa €300,000 F’Montekristo Estate

“Dan iċ-ċentru se jkompli jkabbar l-opportunitajiet ta’ karriera għaż-żgħażagħ Maltin fl-esports filwaqt li jipprovdi viżibilità siewja għall-esports f’Malta fuq livell internazzjonali” – il-Ministru Silvio Schembri.

Il-World Pro Racing, Development and Entertainment Centre ġie inawgurat dalgħodu, b’investiment ta’ madwar €300,000 f’Montekristo Estate f’Ħal Farruġ, Ħal Luqa. Dan iċ-ċentru ġdid għandu l-għan li jipprovdi opportunitajiet lil żgħażagħ u studenti li qed isegwu korsijiet fl-istudji tal-midja, u jgħinhom jibnu l-ħiliet diġitali tagħhom f’ambjent virtwali li eventwalment iwassal għall-possibbiltà ta’ karriera fl-esports. L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u ċ-Chief Operating Officer ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filletti.

Iċ-ċentru l-ġdid ta’ taħriġ u żvilupp huwa faċilità state-of-the-art li toffri wkoll diversi opportunitajiet oħra u nħolqot permezz t’investiment ta’ €300,000. Il-faċilità hija magħmula minn 17-il simulatur flimkien mal-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-aġġudikazzjoni u d-direzzjoni tat-tiġrijiet kemm online u offlajn, kamra tat-telemetrija, il-faċilitajiet kollha meħtieġa għax-xandir, li jinkludi wkoll studio multi-użu, li jakkomoda fosthom kummentaturi tat-tiġrijiet kif ukoll jospita l-preżentazzjoni ta’ programmi informattivi u edukattivi.

Il-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ World Pro Racing, is-Sur Justin Mifsud qal, “Dan kollu, kif ukoll is-suċċess lokali u internazzjonali tagħna kien possibbli biss permezz tal-appoġġ ta’ Gaming Malta u l-viżjoni u l-istrateġija olistika li l-gvern ħoloq fir-rigward tal-esports.”

Is-Sur Mifsud qal li World Pro Racing jorganizza kampjonati virtwali internazzjonali, immirati għal sewwieqa serji li qed jimmiraw li jsiru champions u jipprovdilhom l-opportunità li jiksbu posthom fid-dinja tal-Motorsport permezz ta’ sim racing.

Huwa spjega li apparti l-atleti reali, it-tiġrijiet tas-sim jeħtieġu wkoll inġiniera tal-motorsport kif ukoll tim ta’ produzzjoni sħiħ warajhom. Dan ivarja minn diretturi tax-xandir, nies bil-kamera, edituri tal-vidjow, produtturi/ħallieqa tal-kontenut tal-midja soċjali, maniġers tal-komunità, stewards, diretturi tat-tiġrijiet, produtturi tal-kontenut ‘in-game’ u żviluppaturi.

B’ħarsa lejn il-futur, is-Sur Mifsud qal li World Pro Racing qed tagħmel preparazzjonijiet kbar għat-tnedija t’avvenimenti internazzjonali tat-tiġrijiet tas-sim f’Malta li ser jinżammu mill-2022 il-quddiem. Huwa kkonkluda li wara li ġie ffirmat reċentement MOU maċ-Ċentru t’Eċċellenza Sportiva f’Malta, ser jiġi żviluppat kurrikulu relatat mat-tlielaq tas-sim li se jkun offrut kemm online kif ukoll fil-faċilità nnifisha.

Meta kien qed jindirizza l-avveniment, l-Onor. Silvio Schembri stqarr li din il-faċilità se tipprovdi lill-plejers tal-esports lokali bi pjattaforma u post fejn jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’ambjent professjonali. Huwa enfasizza li benefiċċju ewlieni tal-faċilità se jkun il-possibbiltà li toffri numru kbir t’opportunitajiet lil dawk li huma interessati fl-esport, iżda forsi ma jistgħux ikollhom it-tagħmir tagħhom id-dar.

L-Onor. Schembri nnota li l-faċilità se tħaffef l-isforzi tal-Gvern biex jgħin jattira dawk il-partijiet internazzjonali interessati fl-esports lejn Malta, billi din l-istess faċilità mhux biss tkun disponibbli għall-komunità tal-esports lokali iżda wkoll għal timijiet barranin, mhux biss bħala kamp ta’ taħriġ iżda wkoll għall-bootcamps tagħhom.

Il-Ministru saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-esports, li hija niċċa f’settur ekonomiku li qed jikber, settur li kontinwament jfittex talent ġdid, żagħżugħ u dinamiku u allura kapaċi jagħti spinta lill-ħolqien ta’ karrieri ġodda fis-settur.

Onor. Schembri rrimarka, “Il-Viżjoni ta’ Malta għall-Iżvilupp tal-Logħob tal-Vidjo u l-Esports hija viżjoni li, kif nistgħu naraw hawn illum, qed twitti t-triq għat-twaqqif t’infrastruttura b’saħħitha li jidher ċar li qed isservi bħala l-pedament għal ‘hub’ ċentrali Mediterranju u Ewropew tas-settur”. Huwa sejjaħ din l-inawgurazzjoni bħala mument verament storiku, mhux biss għall-kumpanija iżda għas-settur tal-esports fl-intier tiegħu.

Is-CEO ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filletti qal li “nkunu xhieda ta’ dan it-tkabbir tal-ekosistema tal-esports huwa parti mill-kredenzjali tagħna bħala ‘Home of Gaming Excellence’. Faċilitajiet ta’ l-ogħla livell bħal dawn huma riflessjoni ta’ l-ispirtu intraprenditorjali ta’ Malta u l-viżjoni ekonomika biex inħaddnu niċeċ ekonomiċi ġodda. Kif jidher hawn illum, l-istandard stabbilit mill-industrija tal-esports lokali huwa ta’ l-ogħla livell. L-għan reċiproku ta’ GamingMalta u WPR huwa li meta niġu għall-esports fuq skala internazzjonali, Malta tkompli ssuq fil-pole position.”

Ritratti: Andrea Rizzo

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor